Napli
Napli | |||
---|---|---|---|
Italja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Italja | ||
Region of Italy | Campania | ||
Metropolitan city of Italy | Belt Metropolitana ta' Napli | ||
Kap tal-Gvern | Gaetano Manfredi (en) | ||
Isem uffiċjali | Napoli | ||
Ismijiet oriġinali | Napoli | ||
Kodiċi postali |
80121, 80122, 80123, 80124, 80125, 80126, 80127, 80128, 80129, 80131, 80132, 80133, 80134, 80135, 80136, 80137, 80138, 80139, 80141, 80142, 80143, 80144, 80145, 80146u 80147 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 40°50′09″N 14°14′55″E / 40.8358°N 14.2486°EKoordinati: 40°50′09″N 14°14′55″E / 40.8358°N 14.2486°E | ||
Superfiċjenti | 119.02 kilometru kwadru | ||
Għoli | 17 m | ||
Fruntieri ma' | Arzano (en) , Casavatore (en) , Casoria (en) , Marano di Napoli (en) , Melito di Napoli (en) , Mugnano di Napoli (en) , Pozzuoli (en) , Quarto (en) , San Giorgio a Cremano (en) , San Sebastiano al Vesuvio (en) , Volla (en) , Casandrino (en) , Portici (en) u Cercola (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 913,462 abitanti (1 Jannar 2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
081 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Gafsa (en) , Palma de Mallorca, Sighetu Marmației (en) , Călărași (en) , Kragujevac (en) , Budapest, Ateni, Santiago de Cuba, Nosy Be (en) , Nablus, Benevento, Naples (en) , San Francisco, Toronto, Milan, Kagoshima (en) , Praga, Buenos Aires, Baku, Sarajevo, Marsilja, Zhengzhou, Córdoba, Valencia (en) , Grottammare (en) , Formia (en) , Myslowice (en) , Jeddah, Kontea ta' Honolulu, Wenzhou, Ramallahu Rio de Janeiro | ||
comune.napoli.it |
Napli ([ˈnaːpli] bit-Taljan: Napoli; bin-Naplitan: Napule [ˈnɑːpələ, ˈnɑːpulə]; bil-Grieg Antik: Νεάπολις, b'ittri Rumani Neápolis) hija l-belt kapitali reġjonali ta' Campania u t-tielet l-ikbar belt tal-Italja, wara Ruma u Milan, b'popolazzjoni ta' 967,069 ruħ fi ħdan il-limiti amministrattivi tal-belt fl-2017.[1] Il-muniċipalità tagħha fil-livell ta' provinċja hija t-tielet l-iktar belt metropolitana popolata fl-Italja b'popolazzjoni ta' 3,115,320 resident, u ż-żona metropolitana tagħha (li tmur lil hinn mill-konfini tal-Belt Metropolitana ta' Napli) hija t-tieni l-iktar żona metropolitana popolata fl-Italja u s-seba' l-iktar żona urbana popolata fl-Unjoni Ewropea.[2]
Napli ġiet insedjata għall-ewwel darba mill-Griegi fl-ewwel millenju Q.K., u hija waħda mill-eqdem żoni urbani kontinwament abitati fid-dinja.[3] Fid-9 seklu Q.K., kolonja magħrufa bħala Partenope jew Παρθενόπη ġiet stabbilita fuq il-gżira ta' Megaride.[4] Fis-seklu 6 Q.K., ġiet stabbilita mill-ġdid bħala Neápolis.[5] Il-belt kienet parti importanti tal-Magna Graecia, qdiet rwol importanti fil-fużjoni tas-soċjetajiet Griegi u Rumani, u kienet ċentru kulturali sinifikanti taħt ir-Rumani.[6]
Il-belt kienet ukoll il-belt kapitali tad-Dukat ta' Napli (661-1139), imbagħad tar-Renju ta' Napli (1282-1816), u finalment taż-Żewġ Sqallijiet sal-unifikazzjoni tal-Italja fl-1861. Napli titqies ukoll bħala l-kapitali tal-Barokk, mill-bidu tal-karriera artistika ta' Caravaggio fis-seklu 17, u r-rivoluzzjoni artistika li huwa ispira.[7] Kienet ukoll ċentru importanti tal-Umaniżmu u tal-Illuminiżmu.[8][9] Il-belt ilha punt ta' riferiment globali għall-mużika klassika u l-opri permezz tal-Iskola Naplitana.[10] Bejn l-1925 u l-1936, Napli ġiet estiża u mmodernizzata mill-gvern ta' Benito Mussolini. Matul l-aħħar snin tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-belt ġarrbet ħsara estensiva mill-ibbumbardjar tal-Alleati li invadew il-peniżola. Il-belt sarilha xogħol estensiv ta' rikostruzzjoni wara l-1945.[11]
Mill-aħħar tas-seklu 20, Napli kellha tkabbir ekonomiku sinifikanti, bis-saħħa tal-kostruzzjoni tad-distrett tan-negozju msejjaħ Centro Direzionale u network avvanzat tat-trasport, li jinkludi l-kollegament ferrovjarju ta' veloċità għolja ma' Ruma u Salerno u network estiż tat-tramm ta' taħt l-art. Napli hija t-tielet l-ikbar ekonomija urbana fl-Italja, wara Milan u Ruma.[12] Il-Port ta' Napli huwa wieħed mill-iktar importanti fl-Ewropa. Minbarra attivitajiet kummerċjali, jospita fih il-Kmand ta' Napli tal-Forzi Konġunti Alleati, il-korp tan-NATO li jissorvelja t-Tramuntana tal-Afrika, is-Saħel u l-Lvant Nofsani.[13]
Iċ-ċentru storiku tal-belt ta' Napli huwa l-ikbar ċentru storiku fl-Ewropa u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[14] Hemm firxa wiesgħa ta' siti kulturali u storiċi sinifikanti qrib il-belt, fosthom żewġ Siti ta' Wirt Dinji oħra li huma l-Palazz ta' Caserta u l-fdalijiet Rumani ta' Pompej u Ercolano.[15][16][17] Napli hija magħrufa wkoll għall-ġmiel naturali tagħha, b'postijiet bħal Posillipo, l-Għelieqi Flegrej (vulkan kbir), Nisida, u l-Vesuvju. It-tisjir Naplitan huwa magħruf l-iktar għall-assoċjazzjoni tiegħu mal-pizza, li oriġinat fil-belt, kif ukoll għal diversi ikliet lokali oħra. Ir-ristoranti ta' Napli ngħataw l-ikbar ammont ta' stilel mill-Gwida Michelin meta mqabbel ma' kwalunkwe belt Taljana oħra.[18] Il-panorama urbana ta' Napli fiċ-Centro Direzionale kienet l-ewwel waħda tat-tip tagħha fl-Italja. Inbena fl-1994 u għal 15-il sena kienet l-unika binja ta' dak it-tip sal-2009. L-iktar tim sportiv magħruf f'Napli huwa l-klabb tal-futbol tas-Serie A msejjaħ S.S.C. Napoli, li rebaħ il-kampjonat Taljan tal-futbol darbtejn u li jilgħab fil-grawnd fil-Lbiċ tal-belt, li fl-2020 issejjaħ għall-iktar plejer famuż tal-klabb (li miet dik is-sena), Diego Armando Maradona, fil-kwartier Fuorigrotta.[19]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Griegi u Rumani
[immodifika | immodifika s-sors]Napli ġiet abitata għall-ewwel darba fi Żmien in-Neolitiċi.[20] L-iktar insedjamenti Griegi bikrin ġew stabbiliti fiż-żona ta' Napli fl-ewwel millenju Q.K. Baħħara mill-gżira Griega ta' Rodi stabbilew port kummerċjali żgħir imsejjaħ Partenope (Παρθενόπη, li tfisser "Għajnejn Puri", u Sirena fil-mitoloġija Griega) fil-gżira ta' Megaride fis-seklu 9 Q.K.[21][22] Sas-seklu 8 Q.K., l-insedjament kien kiber u sar jinkludi wkoll lil Monte Echia.[23] Fis-seklu 6 Q.K., il-belt ġiet stabbilita mill-ġdid bħala Neápolis (Νεάπολις), u eventwalment saret waħda mill-ewwel bliet tal-Magna Graecia.
Il-belt kibret minħabba l-influwenza u s-setgħa tal-belt-stat ta' Siracusa, u saret alleat tar-Repubblika Rumana kontra Kartaġni.[4] Matul il-Gwerer tas-Samniti, il-belt, li dak iż-żmien kienet saret ċentru kummerċjali importanti ferm, inħakmet mis-Samniti[24]; madankollu, ir-Rumani ma tantx damu wisq biex jaħkmu l-belt u għamluha kolonja Rumana. Matul il-Gwerer Puniċi, is-swar b'saħħithom mad-dawra ta' Neápolis irreżistew u kkuntrabbattew il-forzi invażuri tal-Ġeneral Kartaġiniż Annibale.[25]
Napli kienet irrispettata ferm mir-Rumani bħala paragun tal-kultura Ellenistika. Matul l-Era Rumana, in-nies ta' Napli komplew jikkomunikaw bil-lingwa Griega u żammew id-drawwiet Griegi tagħhom, filwaqt li l-belt ġiet estiża b'vilel Rumani eleganti, b'akwedotti, u b'banjijiet pubbliċi. Inbnew binjiet ikoniċi bħat-Tempju ta' Dioskuri, u bosta imperaturi kienu jagħżlu li jqattgħu xi vaganza fil-belt, fosthom Klawdju u Tiberju.[25] Virgilio, l-awtur tal-epika nazzjonali ta' Ruma, l-Eneide, ingħata parti mill-edukazzjoni tiegħu fil-belt, u iktar 'il quddiem għex qrib il-belt.
Matul dan il-perjodu, wasal għall-ewwel darba l-Kristjaneżmu f'Napli; jingħad li l-appostli Pietru u Pawlu pprietkaw fil-belt.[26] Ġennaro, li mbagħad sar il-qaddis patrun ta' Napli, miet martri fil-belt fis-seklu 4 W.K. L-aħħar imperatur tal-Imperu Ruman tal-Punent, Romolu Awgustu, ġie eżiljat f'Napli mir-re Ġermaniku Odoacer fis-seklu 5 W.K.
Dukat ta' Napli
[immodifika | immodifika s-sors]Wara d-deklin tal-Imperu Ruman tal-Punent, Napli nħakmet mill-Ostrogoti, poplu Ġermaniku, u ġiet inkorporata fir-Renju tal-Ostrogoti.[27] Madankollu, Belisarju tal-Imperu Biżantin ħakem il-belt ta' Napli fis-sena 536, wara li rnexxielu jidħol fil-belt minn akwedott.[28]
Fis-sena 543, matul il-Gwerer Gotiċi, Totila għal żmien qasir ħakem il-belt għall-Ostrogoti, iżda l-Biżantini ħadu l-kontroll taż-żona wara l-Battalja tal-Vesuvju.[27] Napli kienet mistennija tibqa' f'kuntatt mal-Esarkat ta' Ravenna, li kien iċ-ċentru tal-poter Biżantin fil-Peniżola Taljana.[29]
Wara l-waqgħa tal-esarkat, inħoloq id-Dukat ta' Napli. Għalkemm il-kultura Greco-Rumana ta' Napli baqgħet qawwija fil-belt, eventwalment bidlet l-alleanza tagħha minn Kostantinopli għal Ruma taħt id-Duka Stiefnu II, u ġiet taħt is-sovranità Papali għall-ħabta tas-sena 763.[29]
Is-snin bejn it-818 u t-832 ġabu magħhom taqlib fir-rigward tar-relazzjonijiet ta' Napli mal-Imperatur Biżantin, b'diversi pretendenti lokali joħolqu fewdi biex jippruvaw jaslu għat-tron dukali.[30] Teoktistu nħatar mingħajr l-approvazzjoni imperjali; iktar 'il quddiem il-ħatra tiegħu ġie rrevokatqa u Teodoru II ħadlu postu. Madankollu, l-għadab tal-popolazzjoni ġenerali wassal għat-tkeċċija tiegħu mill-belt, u minfloku ġie elett Stiefnu III, raġel li zzekka l-muniti bl-inizjali tiegħu stess, minflok dawk tal-Imperatur Biżantin. Napli kisbet l-indipendenza totali fil-bidu tas-seklu 9.[30] Il-belt bniet alleanza mal-Musulmani Saraċeni fis-sena 836, u talbet għall-appoġġ tagħhom fl-assedju kontra t-truppi Lombardi li kienu ġejjin mid-Dukat ta' Benevento fil-qrib. Madankollu, matul is-snin 50 tas-seklu 9, Muhammad I Abu 'l-Abbas mexxa l-ħakma Għarbija-Musulmana tal-belt, u rnexxielu jisraq ħafna rikkezzi minnha.[31][32]
Id-dukat kien taħt il-kontroll dirett tal-Lombardi għal perjodu qasir, wara li Pandolfo IV ħakem il-Prinċipat ta' Capua, rivali dejjiemi ta' Napli. Madankollu, dan ir-reġim dam biss tliet snin u mbagħad id-duki b'influwenzi Greco-Rumani reġgħu ħadu r-riedni f'idejhom.[30] Sas-seklu 11, Napli bdiet tqabbad merċenarji Normanni biex jiġġieldu kontra r-rivali tagħha; id-Duka Sergio IV qabbad lil Rainulf Drengot biex jagħmel gwerra kontra Capua f'ismu.[33]
Sal-1137, in-Normanni kienu kisbu influwenza kbir fl-Italja, u kienu jikkontrollaw prinċipati u dukati li qabel kienu indipendenti, fosthom dawk ta' Capua, Benevento, Salerno, Amalfi, Sorrento u Gaeta; kien f'din is-sena li Napli, l-aħħar dukat indipendenti fin-Nofsinhar tal-peniżola, ġie taħt il-kontroll tan-Normanni. L-aħħar duka renjanti tad-dukat, Sergio VII, ġie mġiegħel jarrendi quddiem il-qawwa ta' Ruġġieru II, li kien ipproklama lilu nnifsu r-Re ta' Sqallija seba' snin qabel. B'hekk, Napli ngħaqdet mar-Renju ta' Sqallija, b'Palermo bħala l-belt kapitali.[34]
Renju ta' Sqallija
[immodifika | immodifika s-sors]Wara perjodu taħt in-Normanni, fl-1189 ir-Renju ta' Sqallija kellu diżgwid dwar is-suċċessjoni bejn Tancredi, ir-Re ta' Sqallija u iben illeġittimu u l-familja Hohenstaufen, familja rjali Ġermaniża[35], peress li l-Prinċep Enriku ta' dik il-familja kien iżżewweġ lill-Prinċipess Kostanza, l-aħħar werrieta leġittima għat-tron Sqalli. Fl-1191 Enriku invada Sqallija wara li kien inkurunat bħala Enriku VI, Imperatur Ruman Sagru, u bosta bliet arrendew, iżda Napli rreżistiet minn Mejju sa Awwissu taħt it-tmexxija ta' Rikkardu, il-Konti ta' Acerra, Nicola d'Aiello, Aligerno Cottone u Margarito di Brindisi qabel il-mard li ħakem lill-Ġermaniżi u wassalhom biex jirtiraw. Konrad II, id-Duka tal-Boemja u Filippu I, l-Arċisqof ta' Köln, mietu minħabba l-mard matul l-assedju. Fid-dawl ta' dan, Tancredi kiseb kisba oħra mhux mistennija matul il-kontrattakk tiegħu, jiġifieri l-qbid tal-pretendent għat-tron Kostanza, li kienet saret imperatriċi. Huwa żamm l-imperatriċi priġuniera fil-Kastell dell'Ovo f'Napli qabel ma nħelset f'Mejju 1192 taħt il-pressjoni mill-Papa Ċelestinu III. Fl-1194 Enriku beda t-tieni kampanja tiegħu wara l-mewt ta' Tancredi, iżda din id-darba Aligerno arrenda mingħajr reżistenza, u finalment Enriku ħakem Sqallija, u b'hekk ġiet taħt it-tmexxija tal-familja Hohenstaufen.
L-Università ta' Napli, l-ewwel università fl-Ewropa ddedikata għat-taħriġ ta' amministraturi lajċi[36], ġiet stabbilita minn Federiku II, u b'hekk Napli saret iċ-ċentru intellettwali tar-renju. Minħabba kunflitt bejn il-familja Hohenstaufen u l-Papat, fl-1266 il-Papa Innoċenzu IV inkuruna lid-duka Anġojin Karlu I bħala r-Re ta' Sqallija[37]: Karlu uffiċjalment ċaqlaq il-kapitali minn Palermo għal Napli, fejn kien jirresjiedi fil-Kastell il-Ġdid (Castel Nuovo).[38] Peress li kellu interess kbir fl-arkitettura, Karlu I importa arkitetti u ħaddiema Franċiżi u kien personalment involut f'diversi proġetti ta' binjiet fil-belt.[39] Bdew ifeġġu ħafna eżempji ta' arkitettura Gotika madwar Napli, fosthom il-Katidral ta' Napli, li sa llum għadu l-knisja ewlenija tal-belt.[40]
Renju ta' Napli
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1282, wara l-Vespri Sqallin, ir-Renju ta' Sqallija ġie maqsum fi tnejn. Ir-Renju Anġojin ta' Napli kien jinkludi n-Nofsinhar tal-Peniżola Taljana, filwaqt li l-gżira ta' Sqallija saret ir-Renju Aragoniż ta' Sqallija.[37] Il-gwerer bejn id-dinastiji differenti f'kompetizzjoni ma' xulxin baqgħu jfaqqgħu sal-Paċi ta' Caltabellotta fl-1302, fejn Federiku III ġie rikonoxxut bħala r-Re ta' Sqallija, filwaqt li Karlu II ġie rrikonoxxut bħala r-Re ta' Napli mill-Papa Bonifazju VIII.[37] Minkejja d-diviżjoni, Napli kisbet kulma jmur iktar importanza, u attirat merkanti minn Pisa u Genova[41], bankieta mit-Toskana, u wħud mill-iktar artisti Rinaxximentali prominenti ta' dak iż-żmien, fosthom Boccaccio, Petrarka u Giotto.[42] Matul is-seklu 14, ir-re Anġojin Ungeriż Luiġi l-Kbir ħakem il-belt diversi drabi. Fl-1442, Alfonso I ħakem il-belt ta' Napli wara r-rebħa tiegħu kontra l-aħħar re Anġojin, René, u Napli ġiet unifikata ma' Sqallija mill-ġdid għal perjodu qasir.[43]
Aragoniżi u Spanjoli
[immodifika | immodifika s-sors]Sqallija u Napli kienu sseparati mill-1282, iżda baqgħu dipendenzi ta' Aragona taħt Ferdinandu I.[44] Id-dinastija l-ġdida saħħet il-pożizzjoni kummerċjali ta' Napli billi stabbiliet relazzjonijiet mal-Peniżola Iberika. Napli wkoll saret ċentru tar-Rinaxximent, u bdew jaslu artisti bħal Laurana, Antonello da Messina, Sannazzaro u Poliziano.[45] Fl-1501, Napli ġiet taħt it-tmexxija diretta ta' Franza taħt Luiġi XII, peress li r-re Naplitan Federiku nħataf bħala priġunier ta' Franza. Madankollu, dan l-andament ma damx wisq, peress li Spanja rebħet lil Napli mingħand il-Franċiżi fil-Battalja ta' Garigliano fl-1503.[46]
Wara r-rebħa Spanjola, Napli saret parti mill-Imperu Spanjol, u baqgħet hekk tul il-perjodu Spanjol kollu tal-Asburgi.[46] L-Ispanjoli bagħtu viċirejiet lejn Napli biex jindirizzaw il-kwistjonijiet lokali direttament: l-iktar wieħed importanti minn dawn il-viċirejiet kien Pedro Álvarez de Toledo, li kien responsabbli għal riformi soċjali, ekonomiċi u urbani konsiderevoli fil-belt; huwa appoġġa wkoll l-attivitajiet tal-Inkwiżizzjoni.[47] Fl-1544, madwar 7,000 persuna ttieħdu bħala lsiera mill-pirati tal-Barbarija u ttieħdu lejn il-Kosta tal-Barbarija tat-Tramuntana tal-Afrika.[48]
Sas-seklu 17, Napli kienet saret it-tieni l-ikbar belt tal-Ewropa – qabilha kien hemm Pariġi biss – u kienet l-ikbar belt Mediterranja Ewropea, b'iktar minn 250,000 abitant.[49] Il-belt kienet ċentru kulturali ewlieni matul l-era Barokka, u kienet tospita artisti bħal Caravaggio, Salvator Rosa u Bernini, filosfi bħal Bernardino Telesio, Giordano Bruno, Tommaso Campanella u Giambattista Vico, u kittieba bħal Giambattista Marino. Permezz ta' rivoluzzjoni mmexxija mis-sajjied lokali Masaniello fl-1647, inħolqot Repubblika Naplitana indipendenti li damet biss ftit xhur għaliex reġgħet inħakmet mill-Ispanjoli.[46] Fl-1656, tifqigħa tal-pesta s-sewda qatlet kważi nofs it-300,000 abitant ta' Napli.[50]
Fl-1714, it-tmexxija Spanjola ta' Napli ntemmet b'riżultat tal-Gwerra tas-Suċċessjoni Spanjola; l-Awstrijak Karlu VI mexxa l-belt minn Vjenna permezz ta' viċirejiet tiegħu.[51] Madankollu, il-Gwerra tas-Suċċessjoni Pollakka reġgħet waslet biex Napli tkun taħt l-Ispanjoli flimkien ma' Sqallija bħala parti minn unjoni personali, u t-Trattat ta' Vjenna tal-1738 irrikonoxxa ż-żewġ entitajiet bħala indipendenti taħt fergħa kadetta tal-Borboni Spanjoli.[52]
Fi żmien Ferdinandu IV, l-effetti tar-Rivoluzzjoni Franċiża nħassew f'Napli: Orazju Nelson, alleat tal-Borboni, saħansitra mar fil-belt fl-1798 biex iwissih kontra r-Repubblikani Franċiżi. Ferdinandu ġie mġiegħel jirtira u ħarab lejn Palermo, fejn kien protett minn flotta Brittanika.[53] Madankollu, iċ-ċittadini ta' Napli tal-klassi l-baxxa magħrufa bħala lazzaroni kienu ferm devoti u rjalisti, u kienu favur il-Borboni; fit-taqbida fis-snin ta' wara, huma ġġieldu kontra l-aristokrazija pro-Repubblikana Naplitana, u kkawżaw gwerra ċivili.[53]
Eventwalment, ir-Repubblikani ħakmu l-Kastell ta' Sant'Iermu f'Napli u pproklamaw Repubblika Partenopea, mgħassa mill-Armata Franċiża.[53] Ġiet iffurmata armata reliġjuża kontrorivoluzzjonarja ta' lazzaroni, magħrufa bħala sanfedisti, taħt il-Kardinal Fabrizio Ruffo u dawn kellhom suċċess kbir, tant li l-Franċiżi kellhom jarrendu mill-kastelli Naplitani, u l-flotta tagħhom irtirat lejn Toulon.[53]
Ferdinandu IV reġa' sar re; madankollu, wara seba' snin biss li Napuljun ħakem ir-renju u poġġa rejiet Bonapartisti, fosthom ħuh Ġużeppi Bonaparte (ir-re Spanjol). Bl-għajnuna tal-Imperu Awstrijaku u l-alleati tiegħu, il-Bonapartisti tilfu fil-Gwerra Naplitana, u Ferdinand IV reġa' kiseb mill-ġdid it-tron u r-renju.[54]
Żewġ Sqallijiet Independenti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kungress ta' Vjenna fl-1815 wassal biex ir-renji ta' Napli u ta' Sqallija jingħaqdu biex jiffurmaw ir-Renju taż-Żewġ Sqallijiet, b'Napli bħala l-belt kapitali.[54] Fl-1839, Napli saret l-ewwel belt fil-Peniżola Taljana b'linja ferrovjarja, permezz tal-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja bejn Napli u Portici.[55]
Unifikazzjoni tal-Italja sal-preżent
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-Ispedizzjoni tal-Elf (bit-Taljan: Spedizione dei Mille) immexxija minn Giuseppe Garibaldi, li laħqet il-qofol tagħha fl-Assedju kontroversjali ta' Gaeta, Napli saret parti mir-Renju tal-Italja fl-1861 bħala parti mill-unifikazzjoni tal-Italja, u ntemmet l-era tat-tmexxija tal-Borboni. L-ekonomija taż-żona magħrufa qabel bħala ż-Żewġ Sqallijiet bdiet sejra lura, u dan wassal għal mewġa bla preċedent ta' emigrazzjoni.[56] Huwa stmat li erba' miljun ruħ emigraw minn Napli bejn l-1876 u l-1913.[57] Fl-erbgħin sena wara l-unifikazzjoni, il-popolazzjoni ta' Napli kibret b'26 % biss, meta mqabbel ma' 63 % f'Torino u 103 % f'Milan; madankollu, fl-1884, Napli kienet għadha l-ikbar belt fl-Italja b'496,499 abitant, jew bejn wieħed u ieħor 64,000 ruħ għal kull kilometru kwadru (iktar mid-doppju tad-densità tal-popolazzjoni ta' Pariġi).[58]
Il-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika f'ċerti żoni tal-belt kienu foqra, u kien hemm tnax-il epidemija tal-kolera u tat-tifojde li kkawżaw il-mewt ta' xi 48,000 ruħ bejn l-1834 u l-1884, u rata għolja ta' mwiet (għal dak iż-żmien) ta' 31.84 abitant għal kull elf abitant anke fil-perjodu ħieles mill-epidemiji bejn l-1878 u l-1883.[58] Imbagħad fl-1884, Napli reġgħet faqqgħet epidemija kbira tal-kolera, ikkawżata l-iktar mill-infrastruttura ħażina tad-dranaġġ. Bħala rispons għal dawn il-problemi, mill-1852 il-gvern ħabbar trasformazzjoni radikali tal-belt imsejħa risanamento bl-għan li tittejjeb l-infrastruttura tad-dranaġġ u l-iktar żoni popolati f'xulxin jiġu sostitwiti b'toroq kbar u wesgħin peress li din kienet meqjusa bħala l-kawża prinċipali tal-mard. Il-proġett iltaqa' ma' diffikultajiet politiċi u ekonomiċi biex jitwettaq minħabba l-korruzzjoni, kif ħareġ mill-Inkjesta ta' Saredo, l-ispekulazzjoni tal-art u l-burokrazija ma tispiċċa qatt. Dan kollu wassal biex il-proġett idum għexieren ta' snin biex jitwettaq b'kuntrast ta' riżultati. L-iktar trasformazzjonijiet notevoli li saru kienu l-kostruzzjoni ta' Via Caracciolo tul il-kosta, il-ħolqien tal-Galleria Umberto I u tal-Galleria Principe u l-kostruzzjoni ta' Corso Umberto.[59][60]
Napli kienet l-iktar belt Taljana li ġiet ibbumbardjata matul it-Tieni Gwerra Dinjija.[11] Għalkemm in-Naplitani ma rribellawx kontra l-Faxxiżmu Taljan, Napli kienet l-ewwel belt Taljana li rribellat kontra l-okkupazzjoni militari Ġermaniża; il-belt inħelset għalkollox fl-1 ta' Ottubru 1943, meta l-forzi Brittaniċi u Amerikani daħlu fil-belt.[61] Qabel telqu, il-Ġermaniżi ħarqu l-librerija tal-università, kif ukoll l-Għaqda Rjali Taljana. Qerdu wkoll l-arkivji tal-belt. Tpoġġew bombi tal-ħin fil-belt kollha li baqgħu jisplodu sa Novembru.[62] Is-simbolu tat-twelid mill-ġdid ta' Napli kien ir-rikostruzzjoni tal-Knisja ta' Santa Kjara, li kienet inqerdet minn bumbardament mill-Korp tal-Ajru tal-Armata tal-Istati Uniti.[11]
Finanzjament speċjali mill-Fond għan-Nofsinhar tal-gvern Taljan ġie pprovdut mill-1950 sal-1984, biex b'hekk l-ekonomija Naplitana terġa' tqum kemxejn fuq saqajha, anke permezz tar-rinnovazzjoni tal-attrazzjonijiet ikoniċi tal-belt bħal Piazza del Plebiscito.[63] Madankollu, f'Napli għad hemm qgħad kbir sa llum.
Il-mezzi tax-xandir Taljani attribwew il-problemi li kellha l-belt fir-rigward ir-rimi tal-iskart lill-attività tal-Camorra, network tal-kriminalità organizzata.[64] Minħabba dan, il-kontaminazzjoni ambjentali u r-riskji miżjuda għas-saħħa huma prevalenti wkoll.[65] Fl-2007, il-gvern immexxi minn Silvio Berlusconi organizza l-laqgħat għoljin f'Napli biex juri l-intenzjoni tal-gvern li jsolvi dawn il-problemi.[66] Madankollu, ir-reċessjoni fl-aħħar tal-ewwel deċennju tas-seklu 21 kellha impatt kiefer fuq il-belt, u kompliet tintensifika l-problemi marbuta mal-immaniġġjar tal-iskart u mal-qgħad.[67] Sa Awwissu 2011, l-għadd ta' persuni bla xogħol fiż-żona ta' Napli kien tela' għal 250,000 ruħ, u dan qanqal protesti pubbliċi kontra l-qagħda ekonomika.[68] F'Ġunju 2012, feġġew allegazzjonijiet ta' rikatti, estorsjoni u għoti illeċitu ta' kuntratti b'rabta mal-problemi tal-immaniġġjar tal-iskart tal-belt.[69][70]
Napli ospitat is-Sitt Forum Urban Dinji f'Settembru 2012[71] u t-63 Kungress Astronawtiku Internazzjonali f'Ottubru 2012.[72] Fl-2013, il-belt ospitat ukoll il-Forum Universali tal-Kulturi u fl-2019 ospitat l-Universjadi tas-Sajf.[73]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċentru Storiku ta' Napli ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995 u fl-2011 saret modifika minuri tal-konfini tas-sit.[14]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[14]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Naples - Italy: Information, Town Profile, zip code". web.archive.org. 2015-07-02. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "The Principal Agglomerations of the World - Population Statistics & Maps". web.archive.org. 2010-07-04. Miġbur 2021-05-07.
- ^ David J. Blackman; Maria Costanza Lentini (2010). Ricoveri per navi militari nei porti del Mediterraneo antico e medievale: atti del Workshop, Ravello, 4–5 novembre 2005. Edipuglia srl. p. 99. ISBN 978-88-7228-565-7.
- ^ a b "Greek Naples: Two Tales of One City | naplesldm.com". web.archive.org. 2017-03-21. Miġbur 2021-05-07.
- ^ Daniela Giampaola, Francesca Longobardo (2000). Naples Greek and Roman. Electa.
- ^ "Virgil in Naples | naplesldm.com". web.archive.org. 2017-04-02. Miġbur 2021-05-07.
- ^ Alessandro Giardino (2017), Corporeality and Performativity in Baroque Naples. The Body of Naples. Lexington.
- ^ "Umanesimo in "Enciclopedia dei ragazzi"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-07.
- ^ Musi, Aurelio. Napoli, una capitale e il suo regno (in Italian). Touring. pp. 118, 156.
- ^ Florimo, Francesco. Cenno Storico Sulla Scuola Musicale De Napoli (bit-Taljan). Nabu Press.
- ^ a b ċ "Bombing of Naples WW2 | naplesldm.com". web.archive.org. 2017-06-27. Miġbur 2021-05-07.
- ^ ""Sr-m.it" (PDF)" (PDF). web.archive.org. 2018-02-08. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Napoli, l'inaugurazione dell'Hub di Direzione Strategica della Nato - 1 di 1 - Napoli - Repubblica.it". web.archive.org. 2017-09-05. Miġbur 2021-05-07.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Naples". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-07.
- ^ ""Rivistameridiana.it" (PDF)" (PDF).
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "18th-Century Royal Palace at Caserta with the Park, the Aqueduct of Vanvitelli, and the San Leucio Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-07.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Areas of Pompei, Herculaneum and Torre Annunziata". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Guida Michelin, trionfa Napoli: è la città più stellata d'Italia". NapoliToday (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Napoli officially rename home ground Diego Armando Maradona stadium after Argentine club legend | Goal.com". www.goal.com. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Naples Off The Beaten Path Tips by egicom05". web.archive.org. 2013-05-20. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "World Port Source - Port of Napoli". web.archive.org. 2012-04-28. Miġbur 2021-05-07.
- ^ Attilio Wanderlingh (2010). Naples: The History. Intra Moenia.
- ^ "Archemail l'archeologia in Campania - Gruppo Archeologico Napoletano ONLUS - Il notiziario archeologico della Campania". web.archive.org. 2013-03-29. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Touring Club of Italy, Naples: The City and Its Famous Bay, Capri, Sorrento, Ischia, and the Amalfi, Milano". Touring Club of Italy. 2003. p. 11. ISBN 88-365-2836-8.
- ^ a b "Antic Naples". web.archive.org. 2008-12-25. Miġbur 2021-05-07.
- ^ Naples. 10. Miġbur 2021-05-07.
- ^ a b Wolfram, Herwig (1997). The Roman Empire and Its Germanic Peoples. University of California Press. ISBN 978-0-520-08511-4.
- ^ "Belisarius - Famous Byzantine General". web.archive.org. 2009-04-19. Miġbur 2021-05-07.
- ^ a b Kleinhenz, Christopher (2004). Medieval Italy: An Encyclopedia. Routledge. ISBN 978-0-415-22126-9.
- ^ a b ċ McKitterick, Rosamond (2004). The New Cambridge Medieval History. Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-85360-6.
- ^ Magnusson & Goring 1990
- ^ Hilmar C. Krueger. "The Italian Cities and the Arabs before 1095" in A History of the Crusades: The First Hundred Years, Vol.I. Kenneth Meyer Setton, Marshall W. Baldwin (eds., 1955). University of Pennsylvania Press. p. 48.
- ^ Bradbury, Jim (8 April 2004). The Routledge Companion to Medieval Warfare. Routledge. ISBN 978-0-415-22126-9.
- ^ "Kingdom of Sicily, or Trinacria (historical kingdom, Europe) - Britannica Online Encyclopedia". web.archive.org. 2007-10-26. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Swabian Naples | naplesldm.com". web.archive.org. 2017-03-19. Miġbur 2021-05-07.
- ^ Astarita, Tommaso (2013). "Introduction: "Naples is the whole world"". A Companion to Early Modern Naples. Brill. p. 2.
- ^ a b ċ "Sicilian History". web.archive.org. 2009-05-04. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Castel Nuovo, Naples". web.archive.org. 2008-05-18. Miġbur 2021-05-07.
- ^ Warr, Cordelia; Elliott, Janis (2010). Art and Architecture in Naples, 1266–1713: New Approaches. John Wiley & Sons. pp. 154–155.
- ^ Bruzelius, Caroline (1991). ""ad modum franciae": Charles of Anjou and Gothic Architecture in the Kingdom of Sicily". Journal of the Society of Architectural Historians. University of California Press. 50 (4): 402–420.
- ^ Constable, Olivia Remie (1 August 2002). Housing the Stranger in the Mediterranean World: Lodging, Trade, and Travel. Humana Press. ISBN 978-1-58829-171-4.
- ^ "Angioino Castle, Naples". web.archive.org. 2008-09-29. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "WHKMLA : History of Aragon : 1282-1479". web.archive.org. 2008-12-29. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Questia". www.gale.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Naples Middle-Ages". web.archive.org. 2008-04-10. Miġbur 2021-05-07.
- ^ a b ċ "Italy: Spanish acquisition of Naples - Britannica Online Encyclopedia". web.archive.org. 2008-02-18. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Don Pedro de Toledo". web.archive.org. 2008-05-09. Miġbur 2021-05-07.
- ^ Niaz, Ilhan (2014). Old World Empires: Cultures of Power and Governance in Eurasia. Routledge. p. 399. ISBN 978-1317913795.
- ^ Colin McEvedy (2010), The Penguin Atlas of Modern History (to 1815). Penguin. p. 39.
- ^ Byrne, Joseph P. (2012). Encyclopedia of the Black Death. ABC-CLIO. p. 249. ISBN 978-1598842548.
- ^ "Charles VI, Holy Roman emperor. The Columbia Encyclopedia, Sixth Edition. 2001-07". web.archive.org. 2009-02-02. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Royal House of Bourbon Two Sicilies - History". web.archive.org. 2009-09-26. Miġbur 2021-05-07.
- ^ a b ċ d "Parthenopean Republic". web.archive.org. 2001-03-06. Miġbur 2021-05-07.
- ^ a b "Austria Naples Neapolitan War 1815". web.archive.org. 2001-07-31. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "La Dolce Vita? Italy By Rail, 1839-1914 | History Today". web.archive.org. 2015-09-24. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Italians Around the World: Teaching Italian Migration from a Transnational Perspective. Dennis J. Townsend". no-break space character f'
|titlu=
f'pożizzjoni 27 (għajnuna) - ^ Moretti, Enrico (1999). "Social Networks and Migrations: Italy 1876–1913". International Migration Review. 33 (3): 640–657.
- ^ a b Snowden, Frank M. (2002). Naples in the Time of Cholera, 1884–1911. Cambridge University Press.
- ^ "Il Disegno di Progetto a Napoli. Dal 1860 al 1920" (PDF). web.archive.org. 2016-03-05. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Eddyburg.it - Bisogna Sventrare Napoli!". web.archive.org. 2012-01-25. Miġbur 2021-05-07.
- ^ Hughes, David (1999). British Armoured and Cavalry Divisions. Nafziger. pp. 39–40.
- ^ Atkinson, Rick (2 October 2007). The Day of Battle. 4889: Henry Holt and Co.
- ^ ""North and South: The Tragedy of Equalization in Italy". Frontier Center for Public Policy". web.archive.org. 2003-08-29. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Naples at the mercy of the mob" (bl-Ingliż). 2007-06-07. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Sito della Presidenza del Consiglio dei Ministri (ed.). "Consiglio dei Ministri n. 76/09" (PDF)" (PDF).
- ^ "Berlusconi Takes Cabinet to Naples, Plans Tax Cuts, Crime Bill - Bloo…". archive.ph. 2012-07-24. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Europe on the breadline: Naples, city of the hard luck story | World news | The Guardian". web.archive.org. 2017-04-07. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Unemployment spurns protests across Naples | Demotix.com". web.archive.org. 2011-11-20. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Cricca veneta sui rifiuti di Napoli arrestati i fratelli Gavioli - Cronaca - il Mattino di Padova". web.archive.org. 2012-06-22. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Gestione rifiuti a Napoli, undici arresti tra Venezia e Treviso". web.archive.org. 2014-01-25. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "UN-HABITAT.:. World Urban Forum 6 | News | Naples to host next World Urban Forum". web.archive.org. 2012-06-19. Miġbur 2021-05-07.
- ^ "Napoli capitale dello spazio 2012" (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-07.
- ^ "30th Summer Universiade - Napoli 2019 - Main Results". www.fisu.net (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-07.