Karlskrona
Karlskrona | |
---|---|
Żvezja | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Żvezja |
County of Sweden | Kontea ta' Blekinge |
Municipality of Sweden | Muniċipalità ta' Karlskrona |
Isem uffiċjali | Karlskrona |
Kodiċi postali |
371 xx |
Ġeografija | |
Koordinati | 56°11′32″N 15°37′51″E / 56.19221°N 15.630842°EKoordinati: 56°11′32″N 15°37′51″E / 56.19221°N 15.630842°E |
Superfiċjenti | 2,138±0.5 hectare |
Għoli | 16 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 36,904 abitanti (31 Diċembru 2020) |
Informazzjoni oħra | |
Fondazzjoni | 1680 |
Kodiċi tat-telefon |
0455 |
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 |
bliet ġemellati | Hillerød (en) , Ólafsfjörður (en) , Klaipėda, Gdyniau Rostock |
karlskrona.se |
Karlskrona (pronunzja bil-Malti:ˈkɑːrlskroʊnə/, pronunzja bl-Iżvediż: [kaɭsˈkrûːna]) hija lokalità u s-sede tal-Muniċipalità ta' Karlskrona, il-Kontea ta' Blekinge, l-Iżvezja b'popolazzjoni ta' 66,675 ruħ fl-2018.[1] Hija wkoll il-belt kapitali tal-Kontea ta' Blekinge. Karlskrona hija magħrufa bħala l-unika belt Barokka tal-Iżvezja u tospita l-ikbar bażi navali tal-Iżvezja u l-kwartieri ġenerali tal-Gwardja Kostali Żvediża.
Storikament, il-belt ospitat minoranza Ġermaniża[2], u din ippermettiet il-formazzjoni ta' knisja tal-Kongregazzjoni Ġermaniża. Il-belt kellha wkoll għadd ta' Lhud fil-popolazzjoni tagħha.[3]
Fl-1998, partijiet mill-belt, inkluż il-bażi navali ta' Karlskrona, ġew iddikjarati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Matul is-seklu 17, is-sjieda tal-gżira li fuqha nbniet Karlskrona, Trossö, kienet tal-bidwi Vittus Andersson. Taħt it-tmexxija tad-Daniżi, kien hemm raħal ieħor iktar antik imsejjaħ Lyckå fuq l-art kontinentali ftit kilometri 'l bogħod. Ftit iktar lil hinn, id-Daniżi bdew jibnu lil Kristianopel qabel ma Blekinge sfat taħt l-Iżvediżi fl-1658. Sal-1679, il-gżira u l-gżejriet tal-madwar kienu tal-bidwi Vittus Andersson; li mbagħad kien imġiegħel ibigħ il-proprjetajiet tiegħu lill-monarkija Żvediża. F'dik l-istess sena, tħejjew il-pjanijiet biex il-biċċa l-kbira tal-flotta tar-renju tiġi bbażata fuq Trossö.
Il-belt ġiet stabbilita fl-10 ta' Awwissu 1680[5] meta l-Flotta Navali Rjali Żvediża ġiet rilokata minn Stokkolma għal Trossö, li sa dak iż-żmien kienet intużat l-iktar għall-biedja u għar-ragħa. Fl-istess żmien l-Iżvezja kienet is-setgħa militari dominanti fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, iżda kellha bżonn pożizzjoni iktar strateġika kontra d-Danimarka, peress li xi partijiet tan-Nofsinhar tal-Iżvezja kienu nħakmu xi ftit deċennji qabel biss. Il-flotta Żvediża spiss kienet teħel qrib Stokkolma minħabba s-silġ fix-xitwa u għaldaqstant ġiet ittrasferita iktar lejn in-Nofsinhar. Il-gżira kellha pożizzjoni strateġika ħafna b'distanzi qosra ta' tbaħħir sal-provinċji Ġermaniżi u Baltiċi. Isem il-belt ifisser il-"Kuruna ta' Karlu" f'ġieħ ir-Re Karlu XI tal-Iżvezja. L-isem ġie ispirat mill-isem tal-belt ta' Landskrona.
Fl-1682 inbnew pontijiet li kkollegaw iċ-ċentru tal-belt mal-art kontinentali. L-ewwel pjanta tal-belt, imfassla fl-1683 minn Erik Dahlbergh, Hans Wachtmeister u Carl Magnus Stuart, turi lil Karlskrona bħala fortizza pura. Il-pjanta tal-1694 ta' Erik Dahlberg, li iktar 'il quddiem ġiet segwita, ipprovdiet ukoll spazju għall-iżvilupp urban.[6]
Il-belt kibret malajr u sal-1750 Karlskrona kellha madwar 10,000 abitant. Dak iż-żmien kienet waħda mill-ikbar bliet fil-pajjiż. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet Barokki minn din l-era għadhom eżistenti, li hija r-raġuni għaliex iċ-ċentru tal-belt huwa uniformi arkitettonikament.
Karlskrona f'qasir żmien saret it-tliet l-ikbar belt tar-renju, wara Riga u Stokkolma.
It-tarzna f'Karlskrona ġiet stabbilita kważi fl-istess żmien li ġiet stabbilita l-belt. Kienet meħtieġa minħabba t-telfiet kbar li ġarrbet il-flotta navali Żvediża fl-1659. Fl-1711, it-tarzna kienet l-iktar impjegatur industrijali tal-Iżvezja b'1,100 ħaddiem. L-eqdem baċir, il-baċir ta' Polhem, tħaffer fl-irdum u għadu jintuża. L-isem oriġina minn Christopher Polhem (id-"Da Vinci Żvediż", xjenzat famuż b'diversi invenzjonijiet li għadhom jintużaw sa llum il-ġurnata). Hemm ukoll fabbrika storika tal-produzzjoni tal-ħbula (Repslagarbanan), li hija aċċessibbli għall-pubbliku bi żjarat iggwidati. Karlskrona żviluppat malajr, iżda fil-bidu tas-seklu 18 kien hemm staġnar minħabba l-gwerra u l-pesta. Bejn l-1701 u l-1711 mietu madwar 7,000 ruħ minħabba l-pesta. Fl-1741 u fl-1789, il-pesta reġgħet faqqgħet fil-belt, u f'kull waħda minn dawk is-sentejn mietu 6,000 ruħ.[6]
Meta Karlskrona, bħala belt portwali militari magħluqa, bil-mod il-mod bdiet tmajna b'mod parallel mal-poter Żvediż, it-tkabbir batta, u l-belt tilfet ħafna mill-glorja preċedenti tagħha, għalkemm żammet il-pożizzjoni tagħha bħala bażi navali qawwija. Il-fatt li Karlskrona kienet maħsuba bħala l-belt kapitali futura ta' qawwa kbira joħroġ fid-dieher l-iktar fil-partijiet ċentrali tal-belt fejn l-iStortorget isegwi l-ideali ta' dak iż-żmien rigward kif kienu jidhru l-bliet il-kbar tal-Ewropa dak iż-żmien. Il-belt għandha konfigurazzjoni Barokka bi pjazza kbira miftuħa fejn jinsabu l-knisja, il-muniċipju u l-amministrazzjoni statali. L-għadd ta' knejjes u kastelli tal-amministrazzjoni statali juri wkoll il-funzjoni maħsuba tal-belt. Iż-żona militari kbira u t-tarzna jura li Karlskrona, bħala l-qawwa tan-Nofsinhar tar-renju, għal żmien twil kienet meqjusa bħala belt importanti ħafna li kellha tiġi difiża. Anke llum il-ġurnata, isiru operazzjonijiet militari f'Karlskronavarvet. Għalhekk, Karlskrona kienet maħsuba biex tissostitwixxi lil Stokkolma bħala l-belt kapitali tar-renju, iżda dan qatt ma twettaq.
Bejn l-1910 u l-1949, kien hemm tramm elettriku li kien jopera minn Amiralitetsgatan fin-Nofsinhar sa Bergåsa fit-Tramuntana.
Il-belt żammet l-istruttura tat-toroq tagħha minn mindu ġiet stabbilita. Peress li t-toroq tagħha kollha jsegwu mudell ta' grilja, l-irjieħ jonfħu liberament mill-baħar sal-qalba tal-belt.
Partijiet mill-belt (l-iktar il-Port Navali) ġew iddikjarati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7]
F'Ottubru 1981 is-sottomarin Sovjetiku S-363 tal-klassi Whiskey (magħruf bħala "U137" fl-Iżvezja) inkalja fl-arċipelagu ħdejn Sturkö ftit 'il barra minn Karlskrona. Il-mezzi tax-xandir laqqmu l-aħbar bħala l-"Whiskey on the Rocks". L-inċident ikkawża żieda temporanja fit-tensjonijiet bejn l-Iżvezja u l-Unjoni Sovjetika. Filwaqt li l-inkaljar tas-sottomarin ċertament ma kienx ippjanat, u x'aktarx li seħħ minħabba xi membri tal-ekwipaġġ fis-sakra, is-sottomarin x'aktarx kien qed iwettaq xi missjoni sigrieta mhux speċifikata.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Port Navali ta' Karlskrona ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Karlskrona hija mifruxa fuq 30 gżira fin-naħa tal-Lvant tal-arċipelagu ta' Blekinge, u Trossö hija dik prinċipali.[8] Gżejjer popolati oħra huma Saltö, Sturkö, Hästö, Långö u Aspö. Il-gżejra ta' Stumholmen fl-imgħoddi kienet proprjetà tal-Flotta Navali u llum il-ġurnata tospita l-Mużew Navali Nazzjonali (Marinmuseum). 'Il barra mill-belt hemm l-arċipelagu ta' Karlskrona, l-iżjed arċipelagu fin-Nofsinhar tal-Iżvezja. Diversi gżejjer huma kkollegati mal-belt permezz ta' laneċ.
Data klimatika għal Karlskrona, temp. estremi 2015-2020 | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 9.4
(48.9) |
13.8
(56.8) |
12.8
(55.0) |
18.5
(65.3) |
26.4
(79.5) |
28.7
(83.7) |
29.2
(84.6) |
29.4
(84.9) |
25.0
(77.0) |
17.7
(63.9) |
15.2
(59.4) |
10.9
(51.6) |
29.4
(84.9) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 4.0
(39.2) |
4.3
(39.7) |
7.0
(44.6) |
11.8
(53.2) |
16.6
(61.9) |
21.0
(69.8) |
22.0
(71.6) |
22.9
(73.2) |
18.7
(65.7) |
13.2
(55.8) |
8.5
(47.3) |
6.2
(43.2) |
13.1
(55.6) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 2.0
(35.6) |
2.2
(36.0) |
3.6
(38.5) |
7.3
(45.1) |
12.1
(53.8) |
16.5
(61.7) |
17.8
(64.0) |
18.9
(66.0) |
15.0
(59.0) |
10.4
(50.7) |
6.5
(43.7) |
4.4
(39.9) |
9.7
(49.5) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 0.3
(32.5) |
0.1
(32.2) |
0.1
(32.2) |
2.8
(37.0) |
7.6
(45.7) |
12.0
(53.6) |
13.8
(56.8) |
15.0
(59.0) |
11.3
(52.3) |
7.4
(45.3) |
4.5
(40.1) |
2.6
(36.7) |
6.3
(43.3) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −10.2
(13.6) |
−8.9
(16.0) |
−6.1
(21.0) |
−1.1
(30.0) |
2.1
(35.8) |
7.5
(45.5) |
10.6
(51.1) |
9.8
(49.6) |
4.4
(39.9) |
0.8
(33.4) |
−4.1
(24.6) |
−4.9
(23.2) |
−10.2
(13.6) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 43.3
(1.70) |
25.9
(1.02) |
32.9
(1.30) |
31.0
(1.22) |
34.8
(1.37) |
39.7
(1.56) |
58.3
(2.30) |
42.7
(1.68) |
51.5
(2.03) |
46.4
(1.83) |
52.9
(2.08) |
44.0
(1.73) |
503.3
(19.81) |
Sors:SMHI[9] |
Data klimatika għal Karlskrona | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. medja tal-baħar f'°C | 3.6 | 3.1 | 2.9 | 4.8 | 9.0 | 14.9 | 18.5 | 19.0 | 17.1 | 12.8 | 9.4 | 6.0 | 10.3 |
Medja ta' sigħat ta' xemx kuljum | 8.0 | 10.0 | 12.0 | 15.0 | 17.0 | 18.0 | 17.0 | 15.0 | 13.0 | 11.0 | 8.0 | 7.0 | 12.4 |
Indiċi Ultravjola Medju | 0 | 1 | 2 | 4 | 5 | 6 | 6 | 5 | 4 | 2 | 1 | 0 | 3 |
Sors: Weather Atlas[10] |
Kultura u wirt
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed jum importanti f'Karlskrona huwa l-jum qabel lejliet nofs is-sajf. Dakinhar issir fiera kbira u tattira għexieren ta' eluf ta' viżitaturi lejn Karlskrona. Il-fiera tissejjaħ Lövmarknaden (Il-Fiera tal-Weraq) u hija popolari ħafna fost iċ-ċittadini lokali.
Il-pjazza ewlenija ta' Karlskrona hija l-ikbar waħda fl-Iskandinavja.
Kull sena lejn l-aħħar ta' Lulju u l-bidu ta' Awwissu jsir festival popolari msejjaħ Il-Qala' fil-port ta' Karlskrona. Normalment ikun post fejn il-familji jmorru jieklu u jixorbu, u jaraw id-dgħajjes tal-qlugħ irmiġġati mal-moll. Matul il-festival, l-iscouts tal-baħar ta' Karlskrona jaqdfu fuq dgħajsa filwaqt li jkollhom torċi mixgħula fil-port u jdoqqu l-innu nazzjonali għall-vapuri fil-port.
Dan l-aħħar dan il-festival ġie sostitwit b'festival ieħor imsejjaħ Skärgårdsfest.[11]
L-arkitettura antika flimkien mal-istrutturi navali huma attrazzjonijiet turistiċi importanti ta' Karlskrona. Il-belt għandha atmosfera pjaċevoli u hija waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin fix-Xlokk tal-Iżvezja.
Wirt arkitettoniku
[immodifika | immodifika s-sors]Karlskrona ppreservat il-binjiet tagħha u l-konfigurazzjoni tagħha kważi għalkollox mill-istabbiliment tagħha.
Meta l-belt ġiet stabbilita fl-1680, primarjament kienet maħsuba bħala belt militari, b'ħafna difiżi u fortifikazzjonijiet li sfruttaw it-topografija partikolari tal-belt. Xi fortifikazzjonijiet kienu jinsabu fuq il-gżira prinċipali (Trossö) bħall-Bastjun ta' Aurora, li nbena fil-bidu tas-seklu 18, iżda l-biċċa l-kbira tiegħu nbniet fuq il-gżejjer fil-qrib (Ljungskär, Mjölnareholmen, Godnatt, Koholmen u Kurrholmen) jew iktar lil hinn, bħall-gżejjer fl-aħħar tal-bajja, flimkien b'mod partikolari mal-fortizza importanti ta' Kungsholmen u l-port ċirkolari tagħha.[12]
-
Il-Bastjun ta' Aurora.
-
Västra kruthuset.
-
Il-Forti ta' Kungsholmen.
-
Il-port ċirkolari ta' Kungsholmen.
Iżda l-parti ċivili tal-belt ġiet ippjanata bir-reqqa. Għandha pjanta bi grilja rettangolari, għalkemm hemm ukoll xi toroq djagonali, maħluqa minħabba t-topografija taċ-ċentru storiku tal-belt. Nicodème Tessin ix-Xiħ kien responsabbli għad-disinn tal-binjiet u ta lil belt stil Barokk uniformi ħafna. Il-binja ċentrali tal-belt hija l-Knisja ta' Fredrikskyrkan, li nbniet fis-snin 90 tas-seklu 17,[13] fil-pjazza prinċipali li hija wkoll l-ogħla punt tal-gżira. Diversi knejjes oħra jinsabu fil-belt, bħall-Knisja tat-Trinità Mqaddsa, li nbniet għall-Ġermaniżi tal-belt fl-1709, jew l-Amiralitetskyrkan, li ġiet ikkonsagrata fl-1685.[14]
-
Il-Knisja ta' Fredrikskyrkan.
-
Il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa.
-
L-Amiralitetskyrkan.
Quddiem l-Amiralitetskyrkan hemm l-istatwa ta' Rosenbom, li saret famuża bis-saħħa tal-ktieb tat-tfal ta' Selma Lagerlöf, The Wonderful Adventures of Nils, fejn l-istatwa tirrakkonta l-istorja tal-knisja.[15] Qrib il-knisja hemm ukoll it-torri ta' Admiralstorn, li jmur lura għall-1699. Oriġinarjament dan kien jintuża biex jindika l-ħin għall-ħaddiema tat-tarzna iżda mill-1909 intuża bħala t-torri tal-knisja. L-istatwa żżomm test bl-Iżvediż f'idejha: "Umilment nitolbok, minkejja l-leħen dgħajjef tiegħi, biex tiġi u titfa' xi munita wara li tgħolli l-kappell tiegħi. Imbierkien dawk li jieħdu ħsieb il-foqra", li ġejja mill-aħħar sentenza tal-Bibbja.
-
L-istatwa ta' Rosenbom.
-
L-Admiralstorn.
Finalment, il-belt għandha wkoll xi binjiet iktar reċenti, bħas-Sala tal-Mudelli, li bejn l-1780 u l-1920 ospitat diversi mudelli ta' dgħajjes. Dawn ġew ittrasferiti lill-Mużew Marittimu jew lill-muniċipju wara n-nirien tal-1790. Barra minn hekk, hemm il-binja tal-kontea (Länsresidenset) li nbniet bejn l-1909 u l-1911.[16]
-
Is-Sala tal-Mudelli.
-
Il-Muniċipju.
-
Il-Länsresidenset.
Mużewijiet
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed mużew li jżuruh nies fil-belt huwa l-Mużew Navali, li jilqa' madwar 250,000 viżitatur fis-sena; kważi nofshom ikunu Żvediżi. Il-Mużew Navali huwa l-mużew nazzjonali tal-Iżvezja dwar l-istorja tal-Flotta Navali Żvediża. Flimkien mal-wirjiet, il-mużew jospita kollezzjonijiet ta' oġġetti, arkivju ta' tpinġijiet, arkivju fotografiku u librerija. Il-mużew huwa involut ukoll fir-riċerka.
Il-binja attwali tal-mużew f'Stumholmen f'Karlskrona nfetħet fl-1997 mir-re attwali Karlu XVI Gustaf. Qabel dik id-data, il-mużew kien jinsab fl-eks barrakki tal-kadetti fil-port navali, Örlogshamnen, u sal-1963 kien magħruf bħala l-Mużew tat-Tarzna (Varvsmuseet).
Il-mużew huwa bbażat fuq is-"Sala tal-Mudelli" li nħolqot fl-1752 mir-Re Adolf Frederick tal-Iżvezja, fejn diversi mudelli ta' dgħajjes ġew maħżuna sabiex jiġu ttestjati tipi differenti ta' strutturi. Ilum il-ġurnata, dawn il-mudelli għadhom jiffurmaw il-qalba tal-kollezzjoni tal-mużew, iżda l-mużew jittraċċa wkoll l-istorja tal-Flotta Navali Żvediża.[17]
Il-belt tospita wkoll il-Mużew ta' Blekinge, bi 82,443 viżitatur fl-2008.[18]
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Uħud mill-ikbar impjegaturi f'Karlskrona huma Telenor, Ericsson u Roxtec. Il-belt għandha preżenza kumplessiva qawwija fl-industriji bbażati fuq it-teknoloġija informatika.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt hija ppożizzjonata fix-Xlokk tal-Iżvezja b'kollegamenti eċċellenti man-naħa l-oħra tal-Baħar Baltiku. Hemm linja ta' laneċ li topera lejn Gdynia fil-Polonja li tittrasporta l-merkanzija u l-passiġġieri. L-operatur ta' dan is-servizz huwa l-Linja Stena.
Il-biċċa l-kbira tal-gżejjer ta' Karlskrona huma kkollegati ma' xulxin permezz ta' toroq. Waħda mill-gżejjer popolati l-kbar, Aspö, hija kkollegata ma' lanċa żgħira li ġġorr anke l-vetturi. Id-dgħajjes ibaħħru wkoll bejn diversi gżejjer tal-arċipelagu matul ix-xhur tas-sajf.
Trasport bit-triq
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt tinsab qrib l-awtostrada Ewropea 22, ikkollegata permezz ta' sezzjoni żgħira tal-awtostrada, li tagħmel parti mat-triq nazzjonali 28. L-E22 tikkollega l-bliet prinċipali tan-Nofsinhar tal-Iżvezja, fosthom Malmö, Lund u Kristianstad, imbagħad tibqa' tiela' mal-kosta tal-Lvant lejn Kalmar u Norrköping. It-triq nazzjonali 28 tikkollega lil Karlstad ma' Emmaboda.
Trasport bil-ferrovija
[immodifika | immodifika s-sors]Peress li l-belt kienet waħda mill-iktar importanti fl-Iżvezja, b'mod partikolari bis-saħħa tat-tarzna l-kbira tagħha, il-ħtieġa ta' linja ferrovjarja kienet kbira. Il-belt ingħatat l-ewwel linja ferrovjarja tagħha fl-1874, li kkollegatha ma' Växjö, li minnha nnifisha kienet ikkollegata mill-1865 mal-linja prinċipali Södra stambanan. Imbagħad, il-linja bdiet topera sat-Tramuntana taċ-ċentru storiku tal-belt ta' Karlskrona. It-tarzna, iktar lejn in-Nofsinhar, kienet ikkollegata fl-1888, bis-saħħa ta' linja taħt l-art ta' żewġ kilometri, iżda l-linja ngħalqet fl-1990. Din il-linja issa hija parti mill-Kust till Kust banan, li tikkollega lil Göteborg u Kalmar. Il-belt ingħatat linja ferrovjarja ġdida fl-1889 meta nbniet il-Blekinge kustbana, li tikkollega lil Kristianstad ma' Karlskrona.
Trasport marittimu
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm servizz regolari bil-lanċa minn Karlskrona sa Gdynia fil-Polonja, operat mil-Linja Stena, b'medja ta' żewġ vjaġġi 'l hemm u 'l hawn kuljum.[19] Din il-linja ġġorr kważi 500,000 ruħ fis-sena. Il-port ta' Karlskrona jaqdi wkoll lill-arċipelagu ta' Blekinge.
Trasport bl-ajru
[immodifika | immodifika s-sors]L-eqreb ajruport għall-belt huwa l-Ajruport ta' Ronneby, ħdejn Ronneby, b'titjiriet skedati lejn Stokkolma (Bromma u Arlanda).[20] Fl-2009 ttranżitaw 191,168 ruħ minn dan l-ajruport.[21]
Reliġjon
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm tliet knejjes importanti f'Karlskrona. Il-Fredrikskyrkan (il-Knisja ta' Federiku) ġiet iddisinjata minn Nicodemus Tessin ix-Xiħ, li ġie influwenzat mill-arkitettura Taljana. Is-sisien ta' dik il-knisja nbnew fl-1720 u ġiet inawgurata fl-1744. Hija differenti mill-knejjes Żvediżi normali peress li għandha lewn oranġj, tiżjin partikolari u żewġ torrijiet minkejja li mhijiex knisja veskovali.
It-Trefaldighetskyrkan (il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa), imsejħa wkoll il-Knisja Ġermaniża, inbniet fl-1697-1709, abbażi tat-tpinġijiet ta' Tessin. Il-knisja tinsab ukoll fil-pjazza tas-suq fil-qalba tal-belt. Is-saqaf b'għamla ta' koppla huwa influwenzat ukoll mill-arkitettura Taljana u huwa karatteristika li qajla tidher fil-knejjes Żvediżi inġenerali.
Il-Knisja tal-Ammirall ta' Karlskrona (Amiralitetskyrkan) inbniet fl-1685 bl-injam miżbugħ bl-aħmar u hija waħda mill-ikbar knejjes tal-injam tal-Iżvezja. Quddiem il-knisja hemm l-istatwa famuża ta' Rosenbom.
Paroċċi
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Parroċċa tal-Belt ta' Karlskrona (mill-10 ta' Awwissu 1680);
- il-Parroċċa Ġermaniża ta' Karlskrona (mill-10 ta' Awwissu 1680 sal-1 ta' Novembru 1846);
- il-Parroċċa tal-Priġunieri ta' Karlskrona (mill-1808 sal-4 ta' Lulju 1866);
- il-Parroċċa tal-Mużajk f'Karlskrona (mill-1785 sal-1994);
- il-Parroċċa Rjali tal-Ammirall ta' Karlskrona (mill-1681, parroċċa mhux territorjali).
Hemm ukoll Knisja Kattolika ddedikata lill-Madonna ta' Fatima, f'Södra Kungsgatan 1, 371 30 Karlskrona.[22]
Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt hija l-kampus prinċipali tal-Blekinge tekniska högskola, Istitut tat-Teknoloġija stabbilit fl-1989[23], li huwa wieħed mill-ftit kulleġġi universitarji jew högskolor fl-Iżvezja li għandu d-dritt li jagħti d-dottorati. B'hekk għandu status pjuttost simili għal dak ta' università reali. L-istitut jimpjega madwar 600 ruħ u jospita madwar 8,000 student.[24]
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klabbs sportivi li ġejjin huma stabbiliti f'Karlskrona:
Letteratura
[immodifika | immodifika s-sors]F'The Surgeon's Mate ta' Patrick O'Brian, Karlskrona hija l-bażi tal-flotta Brittanika fil-Baħar Baltiku għall-ħabta tal-1813, meta ż-żewġ nazzjonijiet kienu f'perjodu ta' paċi ma' xulxin u alleati kontra Napuljun. Il-Kaptan Jack Aubrey u Stephen Maturin jagħtu bidu għal azzjoni biex jinħeles grupp ta' forzi Katalani li kienu għadhom fis-servizz Franċiż fuq gżira fittizja fil-kosta tal-Pomeranja. Il-Viċi Ammirall Sir James Saumarez ikollu l-kmand f'idejh tal-flotta Baltika għall-iskop tar-rumanz.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Il-librerija pubblika tal-belt ta' Karlskrona.
-
Il-Mużew Leonardo da Vinci Ideale.
-
Il-Park tal-Kappella jew il-Kapellparken.
-
It-Torri/Il-Kampnar tal-Ammirall jew l-Admiralstorn.
-
Il-Maħżen tal-Porvli.
-
It-tarzna ta' Karlskronavarvet.
-
Fiskbron, il-port l-antik fiċ-ċentru ta' Karlskrona.
-
Il-Bastjun ta' Aurora.
-
Il-Banjijiet ta' Karlskrona.
-
Plier f'Karlskrona.
-
Statwa tar-Re Karlu XIII.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Statistika 2008". web.archive.org. 2012-01-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Ett världsarvs historia - Karlskrona.se". www.karlskrona.se. Miġbur 2022-10-06.
- ^ Riksarkivet. "Riksarkivet - Sök i arkiven". sok.riksarkivet.se (bl-Iżvediż). Miġbur 2022-10-06.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Naval Port of Karlskrona". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-05.
- ^ "Grattis Karlskrona, 337 år!". Blekinge Läns Tidning (bl-Iżvediż). 2017-08-10. Miġbur 2022-10-06.
- ^ a b Carlquist, Gunnar (1933). Svensk uppslagsbok. Bd 14. Malmö: Svensk Uppslagsbok AB. p. 14.
- ^ "Karlskrona | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2022-10-06.
- ^ Berezin, Henrik (2006). Adventure Guide Scandinavia: Sweden, Norway, & Denmark. Hunter Publishing, Inc. p. 120. ISBN 978-1-58843-579-8.
- ^ "Statistik från Väder och Vatten | SMHI | SMHI". web.archive.org. 2013-02-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-02-13. Miġbur 2022-10-05.
- ^ Aladin. "Dublin, Ireland - Climate & Monthly weather forecast". Weather Atlas (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-05.
- ^ "Karlskrona Skärgårdsfest 2022". Karlskrona Skärgårdsfest (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Världsarvet Örlogsstaden Karlskrona - Karlskrona.se". www.karlskrona.se. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Världsarvet Örlogsstaden Karlskrona - Karlskrona.se". www.karlskrona.se. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Världsarvet Örlogsstaden Karlskrona - Karlskrona.se". www.karlskrona.se. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Karlskrona - Attraktioner - Gubben Rosenbom". web.archive.org. 2012-01-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-01-12. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "archive.ph". archive.ph. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-09-09. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "About - The Naval Museum". web.archive.org. 2010-12-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-12-07. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Museer & Konsthallar 2008" (PDF). web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-12-03.
- ^ "Färja till Polen - Gdynia. Boka resa hotell kryssning - Stena Line". web.archive.org. 2011-07-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-12. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Destinationer - Ronneby Airport". web.archive.org. 2011-03-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-03-08. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Passagerarfrekvens 2009" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-21. Miġbur 2022-10-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "KONTAKT – VÅR FRU AV FATIMA" (bl-Iżvediż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-06. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Short presentation of the university - Blekinge Institute of Technology". web.archive.org. 2010-12-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-12-27. Miġbur 2022-10-06.
- ^ "Universitet&högskolor Högskoleverkets årsrapport 2009" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-08-18. Miġbur 2022-10-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)