Jules Pascin
Jules Pascin | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Vidin, 31 Marzu 1885 |
Nazzjonalità |
Bulgarija Stati Uniti tal-Amerka Franza |
Mewt | Pariġi, 5 Ġunju 1930 |
Post tad-dfin | Ċimiterju ta' Montmartre |
Kawża tal-mewt | suwiċidju (tgħalliq) |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Académie Colarossi (en) |
Lingwi | Franċiż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
pittur Illustratur disinjatur tipografu |
Parteċipant
| |
Moviment | espressjoniżmu |
Moviment artistiku | ritratt |
Julius Mordecai Pincas (twieled fil-31 ta' Marzu 1885 – miet fil-5 ta' Ġunju 1930), magħruf bħala Pascin (pronunzjat [pas.kin];[1][2] xi kultant pronunzjat qisu bil-Franċiż: [pas.kɛ̃] jew [pa.sɛ̃]), Jules Pascin, magħruf ukoll bħala l-"Prinċep ta' Montparnasse", kien artist Bulgaru tal-Iskola ta' Pariġi, magħruf għall-pitturi u għat-tpinġijiet tiegħu. Iktar 'il quddiem sar ċittadin Amerikan. L-iżjed suġġett frekwenti tiegħu kienu n-nisa, impittra jew impinġija b'pożi każwali, normalment għerwenin jew parzjalment lebsin.
Pascin ingħata l-edukazzjoni fi Vjenna u fi Munich. Huwa vvjaġġa għal xi żmien fl-Istati Uniti, u qatta' l-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħu fin-Nofsinhar. Huwa magħruf l-iktar bħala pittur Pariġin, assoċjat mal-gruppi artistiċi ta' Montparnasse, u kien wieħed mill-emigrati tal-Iskola ta' Pariġi. Wara li tħabat mad-depressjoni u mal-alkoħoliżmu, huwa miet b'suwiċidju ta' 45 sena.
Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Julius Mordecai Pincas twieled f'Vidin, il-Bulgarija, u kien it-tmien wild minn ħdax,[3] fi ħdan il-familja Lhudija Sefardika ta' merkant tal-qamħ imsejjaħ Marcus Pincas.[4] Oriġinarjament minn Ruse, il-familja Pincas kienet waħda mill-iktar għonja f'Vidin; huma kienu jixtru u jesportaw il-qamħ, ir-ross, il-qamħirrum u l-ġirasol.[5] Ommu, Sofie (Sophie) Pincas, kienet parti mill-familja Lhudija Sefardika Russo, li kienet ittrasferiet ruħha minn Trieste għal Zemun, fejn flimkien mar-raġel tagħha għexet qabel ma marret tgħix f'Vidin u fejn twieldu t-tfal il-kbar tagħhom.[6]
Il-familja kienet titkellem bil-Ġudeo-Spanjol id-dar.[7] Fl-1892, huwa mar jgħix mal-ġenituri tiegħu f'Bukarest, fejn missieru fetaħ kumpanija tal-qamħ, "Marcus Pincas & Co". Għal żmien qasir Pascin ħadem mad-ditta ta' missieru meta kellu ħmistax-il sena, iżda kien jiffrekwenta wkoll burdell lokali fejn wettaq l-ewwel tpinġijiet tiegħu. L-ewwel taħriġ artistiku tiegħu kien fi Vjenna fl-1902 ta' sbatax-il sena. Fl-1903 huwa mar jgħix fi Munich, fejn studja fl-akkademja ta' Moritz Heymann. Hemmhekk iltaqa' ma' Paul Klee, Alfred Kubin u Wassily Kandinsky.[8] Fl-1905 huwa beda jikkontribwixxi bi tpinġijiet f'Simplicissimus, rivista satirika ppubblikata fi Munich. Minħabba li missieru oġġezzjona li kunjom il-familja jiġi assoċjat ma' dawn it-tpinġijiet, l-artist meta kellu 20 sena adotta l-psewdonimu Pascin (anagramma ta' Pincas) bil-permess ta' missieru. Huwa baqa' jikkontribwixxi bi tpinġijiet f'ġurnal ta' Munich sal-1929.
Pariġi
[immodifika | immodifika s-sors]F'Diċembru 1905, Pascin mar jgħix f'Pariġi, u sar parti mill-migrazzjoni kbira ta' artisti lejn dik il-belt fil-bidu tas-seklu 20. Hemmhekk ġie milqugħ minn "Les Dômiers", il-klijenti regolari tal-Cafe le Dome. Id-Dômiers introduċew lil Pascin ma' Hermaine David fl-1907, li kienet pittriċi wkoll u dak iż-żmien studenta fl-Académie Julian u studenta ta' Jean-Paul Laurens, u t-tnejn saru maħbubin. F'dik l-istess sena kellu l-ewwel wirja bħala solist fil-Gallerija ta' Paul Cassirer f'Berlin. Minkejja l-ħajja soċjali tiegħu, Pascin ħoloq eluf ta' akkwarelli u skizzi, kif ukoll tpinġijiet u karikaturi li bigħ lil diversi gazzetti u rivisti. Fl-1908, Pascin beda jistudja fl-Akkademja ta' Matisse. Pascin żar il-Louvre, u kellu interess speċjali fil-mastri tas-seklu 18, speċjalment Greuze, Boucher, Watteau u Fragonard.
Huwa eżibixxa x-xogħlijiet tiegħu f'galleriji kummerċjali, fis-Salon d'Automne, fis-Salon des Indépendants, f'wirjiet tas-Seċessjoni ta' Berlin u fis-Sonderbund-Ausstellung f'Köln. Bejn l-1905 u l-1914 huwa eżibixxa xi tpinġijiet bil-lapes, bl-akkwarelli u stampati, iżda qajla pitturi. Ma kienx qabel xi l-1907–1909 li pproduċa l-ewwel pitturi tiegħu, li kienu ritratti u pitturi ta' soġġetti għerwenin bi stil influwenzat mill-Fauviżmu u minn Cézanne. Huwa ried isir pittur bis-serjetà, iżda maż-żmien sar depress ħafna minħabba n-nuqqas ta' ksib ta' suċċess kritiku bl-isforzi tiegħu. Xejn ma kien sodisfatt bil-progress kajman tiegħu bil-mezz il-ġdid, u għaldaqstant studja l-arti tat-tpinġija fl-Académie Colarossi, u pitter kopji tal-mastri fil-Louvre. Huwa kellu wirjiet fl-Istati Uniti għall-ewwel darba fl-1913, meta tnax mix-xogħlijiet tiegħu ntwerew fil-Wirja tal-Armerija fi New York.
Pascin għamel rilokazzjoni lejn Londra malli faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija biex jevita l-lieva fl-armata Bulgara u mbagħad telaq lejn l-Istati Uniti fit-3 ta' Ottubru 1914. Fil-31 ta' Ottubru, Hermine David baħħret lejn l-Istati Uniti biex tingħaqad miegħu.
Stati Uniti
[immodifika | immodifika s-sors]Pascin u David għexu fl-Istati Uniti mill-1914 sal-1920, u evitaw l-Ewwel Gwerra Dinjija. Huma żaru l-Belt ta' New York, fejn David kellha wirja. Pascin kien jiffrekwenta n-nightclubs, u ltaqa' ma' artisti bħal Yasuo Kuniyoshi u Guy Pène du Bois, iżda l-biċċa l-kbira ta' żmienu fl-Amerka qattgħu jivvjaġġa fin-Nofsinhar. Huwa żar ukoll Kuba. Huwa għamel bosta tpinġijiet tal-ħajja fit-toroq f'Charleston, New Orleans, u ta' postijiet oħra li żar. Uħud mix-xogħlijiet tiegħu tal-1915 u tal-1916 huma ta' stil Kubist, li wara ftit abbandunah.
Fl-1918 Pascin iżżewweġ lil Hermine David fil-Muniċipju fil-Belt ta' New York. Ix-xhieda tagħhom kienu Max Weber u Maurice Sterne, ħbieb u pitturi li kienu jgħixu f'New York. F'Settembru 1920, Pascin ġie naturalizzat bħala ċittadin tal-Istati Uniti, b'appoġġ mingħand Alfred Stieglitz u Maurice Sterne, iżda reġa' lura lejn Pariġi ftit wara. Hemmhekk kellu relazzjoni ma' Lucy Vidil Krohg, li kienet il-maħbuba tiegħu għaxar snin qabel iżda kienet iżżewġet lill-pittur Norveġiż Per Krohg meta Pascin kien telaq lejn l-Amerka.
Speċjalment wara li rritorna lejn Franza, huwa sar is-simbolu tal-komunità artistika ta' Montparnasse u sar assoċjat iktar ma' Franza milli mal-Istati Uniti. Dejjem bil-kappell partikolari tiegħu, huwa kien preżenza għarfa, flimkien ma' sieħbu Constant Detré, f'Le Dôme Café, fil-Jockey-Club de Paris, u f'inħawi oħra tas-soċjetà artistika lokali. Pascin żar il-Bulgarija fl-1923 u fl-1924 u f'data mhux ċerta iktar 'il quddiem.
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Bħal Henri de Toulouse-Lautrec, Pascin pinġa lill-ambjenti u lil sħabu ta' madwaru, kemm irġiel kif ukoll nisa. Matul is-snin 20 tas-seklu 20, Pascin pitter l-iktar petites filles fraġli, prostituti jistennew għall-klijienti tagħhom, jew mudelli jistennew is-seduta tintemm. Il-pitturi tiegħu nbigħu minnufih, iżda l-flus li kien jaqla' malajr kien jonfqu. Huwa kien famuż bħala wieħed li jħobb jagħmel festini kbar fl-appartament tiegħu, u kull meta kien jiġi mistieden xi mkien ieħor għal xi ċena, huwa kien imur b'kemm jiflaħ fliexken tal-inbid. Spiss kien imur ma' grupp kbir ta' ħbieb għal picnics sajfin qrib ix-xmara Marne, u jkunu jdumu hemm sakemm jidlam.
Skont il-bijografu tiegħu, Georges Charensol:
Qajla kien jagħżel il-mejda tiegħu fid-Dôme jew fis-Sélect li ma kienx jiġi mdawwar minn ħames jew sitt ħbieb; fid-disgħa ta' filgħaxija, meta kien jasal għaċ-ċena, konna nkunu xi 20 b'kollox, u iktar tard filgħaxija, meta konna niddeċiedu mmorru sa Montmartre għand Charlotte Gardelle jew il-Prinċipessa Marfa — fejn Pascin kien iħobb jieħu post il-mużiċist bit-tnabar fil-grupp jazz — huwa kellu jħallas għal 10 taksis.
Fist il-grupp ta' ħbieb Pariġini ta' Pascin kien hemm Ernest Hemingway, li fil-memorji tiegħu bit-titlu A Moveable Feast jinkludi kapitlu msejjaħ "With Pascin At the Dôme", fejn jirrakkonta dwar lejla fl-1923 meta ltaqa' ma' Pascin u żewġ mudelli żgħażagħ tiegħu għal xi xarba fil-kafetterija.
Sħabu l-artisti u kontemporanji kienu jinkludu lil Chaim Soutine, Isaac Frenkel Frenel, Michel Kikoine u artisti Lhud oħra tal-Iskola ta' Pariġi.
Stil
[immodifika | immodifika s-sors]L-esperjenza tiegħu bħala fassal satiriku u l-għarfien tiegħu tal-Espressjoniżmu Ġermaniż huma evidenti fix-xogħlijiet bikrin tiegħu, fejn xi ritratti jevokaw lil Otto Dix jew Grosz b'laqta inqas inċisiva u inqas krudili. Huwa malajr evolva għal ilwien kważi mhux reali, li b'ħila kbira armonizza mat-tema ta' ġisem il-mara, iċ-ċentru tal-produzzjoni tiegħu. Fost il-pitturi tal-Iskola ta' Pariġi, l-arti ta' Pascin saret rinomata mal-impożizzjoni tal-ġentilezza melankonika u l-verità espressiva. Huwa pitter b'indulġenza d-dinja "moħbija" tan-nisa, b'irtokk lewn perla, ħafif b'kuluri jgħajtu, bi sfumaturi ta' griż, roża, okra u vjola fil-blu. L-iġsma tan-nisa b'għamliet sottili jispikkaw b'xeħta qawwija ta' erotiċiżmu. Dawn in-nisa, murija fl-intimità tagħhom, fil-fatt jirriflettu l-malessri eżistenzjali ta' Pascin.
L-istil grafiku vibranti tiegħu, b'linji li jagħtu ħjiel ħafif biss tal-kontorni tal-ġisem, ippermettewlu juri lill-mudelli tiegħu f'dawl li jirrifletti l-emozzjonijiet iktar mir-realtà tal-ġisem. F'dan ir-rigward, huwa jista' jitqies bħala kontinwatur bla heda tal-mastri tas-seklu 18 u tal-għatx tagħhom għal-libertà u għal-libertinaġġ.
Mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Pascin tħabat mad-depressjoni u mal-alkoħoliżmu. Skont il-kritiku tal-arti Gaston Diehl huwa kien "Spiċċa għal ġol-ħajt mil-leġġenda tiegħu stess", u miet b'suwiċidju tal-età ta' 45 sena lejliet spettaklu solist prestiġjuż. Huwa qata' l-vini tal-polz tiegħu u tgħallaq fl-istudjo tiegħu f'Montmartre. Huwa ħalla messaġġ miktub bid-demm mal-ħajt lill-maħbuba tiegħu Lucy Krohg. Fl-aħħar testment tiegħu, Pascin qasam l-eredità tiegħu bejn martu, Hermine David, u Lucy Krohg.
Dakinhar tal-funeral tiegħu fis-7 ta' Ġunju 1930, eluf ta' nies mill-komunità artistika, u għexieren ta' waiters u ta' ħaddiema tal-bars u tar-ristoranti li kien iżur Pascin, kollha lebsin bl-iswed, mexew wara t-tebut tiegħu għal tliet mili, mill-istudjo tiegħu f'36 boulevard de Clichy saċ-Cimetière de Saint-Ouen. Sena wara, il-familja ta' Pascin ordnat li l-fdalijiet tiegħu jiġu midfuna mill-ġdid fiċ-ċimiterju iktar prestiġjuż ta' Montparnasse.
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Punt ta' Pascin fl-Antartika ngħata kunjom Jules Pascin.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Art: Beauty & the Baker", Time magazine, Monday, July 18, 1932.
- ^ John Ulric Nef, "Reminiscences of Jules Pascin" (June 1966), in Tom L. Freudenheim, Pascin (exhibition catalog), University Art Museum, University of California, Berkeley, 1966
- ^ "Jules Pascin". www.jewishvirtuallibrary.org. Miġbur 2024-06-05.
- ^ Werner, Alfred (Autumn 1959). "Jules Pascin in the New World". College Art Journal. 19 (1): 30–39.
- ^ "Jewish witness to the 20th century | Centropa". www.centropa.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-05.
- ^ "Vienna Weddings Results". www.sephardicgen.com. Miġbur 2024-06-05.
- ^ "Ilya Ehrenburg about Jules Pascin". web.archive.org. 2018-07-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-01. Miġbur 2024-06-05.
- ^ "Jules PASCIN" (bl-Ingliż). 2019-01-03. Miġbur 2024-06-05.