Aqbeż għall-kontentut

Żona ta' Interess Xeniku u Storiku tal-Wied ta' Jiuzhaigou

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Lag tal-Ħames Fjuri.

Iż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku tal-Wied ta' Jiuzhaigou jew fil-qosor Jiuzhaigou (pronunzja: [tɕjòʊ.ʈʂâɪ.kóʊ]; biċ-Ċiniż: 九寨沟; bil-Pinjin: Jiǔzhàigōu) hija riżerva naturali u park nazzjonali fit-Tramuntana tal-Provinċja ta' Sichuan fil-Lbiċ taċ-Ċina. Fit-tarf tan-Nofsinhar hemm il-Quċċata ta' Garna tal-Muntanji Min u fit-tarf tat-Tramuntana hemm iż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku ta' Huanglong. Is-sit joriġina mill-inħawi tax-xmara Baishui, waħda mit-tributarji ewlenin tax-xmara Jialing u parti mis-sistema tax-xmara Yangtze.[1] Jiuzhaigou hija wied twil orjentat mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992[2] u bħala Riżerva ta' Bijosfera Dinjija fl-1997. Skont il-kategorizzazzjoni tal-IUCN tas-sistemi ta' żoni protetti titqies bħala sit tal-kategorija V (Pajsaġġ Protett).

Il-wied ta' Jiuzhaigou jagħmel parti mill-Muntanji Min fit-tarf tal-Promontorju Tibetan u huwa estiż fuq iktar minn 72,000 ettaru (180,000 akru). Għandu altitudni ta' iktar minn 4,800 metru u huwa magħmul minn diversità ta' ekosistemi forestali.[3] Is-sit huwa magħruf għall-bosta kaskati mtarrġin, għal-lagi kkuluriti u għall-qċaċet miksijin bil-borra. L-elevazzjoni tas-sit tvarja bejn 2,000 u 4,500 metru (bejn 6,600 u 14,800 pied).

Isem il-Wied ta' Jiuzhaigou (litteralment il-"Wied tad-Disa' Insedjamenti") oriġina mid-disa' insedjamenti Tibetani fi ħdanu.

Ir-reġjun remot kien abitat minn diversi popli Tibetani u Qiang għal sekli sħaħ. Sal-1975 din iż-żona inaċċessibbli ma tantx kienet magħrufa. Sal-1979 kien isir qtugħ estensiv tas-siġar għall-injam, u mbagħad il-gvern Ċiniż ipprojbixxa din l-attività u kkonverta s-sit f'park nazzjonali fl-1982. Uffiċċju tal-Amministrazzjoni ġie stabbilit u s-sit infetaħ uffiċjalment għat-turiżmu fl-1984; il-konfigurazzjoni tal-faċilitajiet u r-regolamenti tlestew fl-1987.

Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992 u sar Riżerva ta' Bijosfera Dinjija fl-1997. Iż-żona turistika hija kklassifikata bħala żona xenika AAAAA mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu taċ-Ċina.[4]

Mill-ftuħ tas-sit, l-attività turistika żdiedet sena wara l-oħra: minn 5,000 ruħ fl-1984 għal 170,000 ruħ fl-1991, u minn 160,000 ruħ fl-1995 għal 200,000 ruħ fl-1997, inkluż madwar 3,000 barrani. Il-viżitaturi telgħu għal 1,190,000 ruħ fl-2002.[5] Mill-2004, is-sit jilqa' medja ta' 7,000 ruħ kuljum, b'kwota ta' 12,000 ruħ infurzata matul l-eqqel staġun. Ir-raħal ta' Zhangzha fil-ħruġ tal-wied u l-Kontea ta' Songpan fil-qrib fihom għadd kbir ta' lukandi, inkluż diversi lukandi ta' ħames stilel, bħax-Sheraton.

L-iżviluppi marbuta mat-turiżmu tal-massa fir-reġjun wasslu għal tħassib dwar l-impatt fuq l-ambjent madwar il-park.[6]

Seba' mid-disa' villaġġi Tibetani għadhom popolati sal-lum il-ġurnata. L-agglomerazzjonijiet prinċipali li huma aċċessibbli għat-turisti huma Heye, Shuzheng u Zechawa tul il-mogħdijiet prinċipali li jilqgħu lit-turisti u jbigħulhom ħafna oġġetti artiġjanali, tifkiriet u ikel. Hemm ukoll Rexi fil-Wied ċkejken ta' Zaru u wara l-villaġġ ta' Heye hemm il-villaġġi ta' Jianpan, ta' Panya u ta' Yana. Il-villaġġi ta' Guodu u ta' Hejiao ma għadhom popolati. Il-villaġġi ta' Penbu, ta' Panxing u ta' Yongzhu jinsabu tul it-triq li tgħaddi mir-raħal ta' Jiuzhaigou/Zhangza 'l barra mill-wied.

Fl-2003, il-popolazzjoni permanenti tal-wied kienet tammonta għal madwar 1,000 ruħ u kienet magħmula minn 112-il familja. Minħabba n-natura protetta tal-park, l-agrikoltura ma għadhiex permessa. Għaldaqstant, in-nies lokali issa jiddependu fuq it-turiżmu u s-sussidji tal-gvern lokali biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.

Veduta panoramika tal-villaġġ ta' Shuzheng, l-iżjed villaġġ Tibetan li jżuruh nies fil-wied.
Mappa ta' Jiuzhaigou.

Il-Wied ta' Jiuzhaigou jinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-katina muntanjuża ta' Minshan, 330 kilometru (205 mili) fit-Tramuntana tal-belt kapitali provinċjali ta' Chengdu. Jagħmel parti mill-Kontea ta' Jiuzhaigou (li qabel kienet il-Kontea ta' Nanping) fil-Prefettura Awtonoma Tibetan-Qiang ta' Aba tal-Majjistral tal-provinċja ta' Sichuan, qrib il-fruntiera ma' Gansu.

Il-wied ikopri 720 km2 (278 mil kwadru), b'żoni ta' lqugħ li jkopru 600 km2 (232 mil kwadru) addizzjonali. L-elevazzjoni tiegħu, skont iż-żona kkunsidrata, tvarja bejn 1,998 u 2,140 metru (fil-bokka tal-Wied ta' Shuzheng) sa 4,558-4,764 metru (fuq il-Muntanja ta' Ganzigonggai fil-quċċata tal-Wied ta' Zechawa).

Il-klima hija subtropikali għal miti bil-monsuni, b'temperatura annwali medja ta' 7.8 °C, u b'temperaturi baxxi u għoljin medji ta' −3.7 °C f'Jannar u ta' 16.8 °C f'Lulju. Ix-xita annwali totali tammonta għal 761 millimetru iżda fil-foresta bis-sħab tammonta mill-inqas għal 1,000 millimetru. 80 % tax-xita tinżel bejn Mejju u Ottubru. Minħabba l-monsuni fil-wied, is-sjuf ikunu miti, bis-sħab u moderatament umdużi. 'Il fuq minn altitudni ta' 3,500 metru, il-klima tkun iktar kiesħa u iktar niexfa.[7]

L-ekostistema ta' Jiuzhaigou hija kklassifikata bħala miti b'foresti u b'boskijiet tas-siġar bil-weraq wiesa', u b'sistemi mħallta ta' muntanji u artijiet għoljin. Kważi 300 km2 (116-il mil kwadru) mill-qalba taż-żona xenika hija miksija b'foresti mħallta mhux mittiefsa. Il-weraq tas-siġar f'dawn il-foresti jkollu kuluri sofor, oranġjo u ħomor jgħajtu u attraenti fil-ħarifa, u b'hekk huwa staġun popolari fost il-viżitaturi. F'dawn il-foresti jgħixu għadd ta' speċijiet ta' pjanti ta' interess, fosthom varjetajiet endemiċi ta' rododendroni u bambù.

Il-fawna lokali tinkludi l-panda ġganteska u x-xadina dehbija fil-periklu ta' estinzjoni. Iż-żewġ popolazzjonijiet ta' dawn l-annimali huma żgħar ħafna (inqas minn 20 individwu għall-pandas) u iżolati. Is-sopravivenza tagħhom qed tiġi pperikolata f'wied soġġett għal turiżmu dejjem jiżdied. Il-wied huwa wieħed minn tliet postijiet magħrufa fejn tgħix l-arvikola tad-Duka ta' Bedford. Il-Wied ta' Jiuzhaigou jospita wkoll madwar 140 speċi ta' għasafar.

Ir-reġjun tabilħaqq huwa mużew naturali għall-idroloġija u għar-riċerka tas-sistemi muntanjużi karstiċi. Jippreserva sensiela ta' ekosistemi forestali importanti, inkluż foresti tal-qedem li jipprovdu ħabitats importanti għal bosta speċijiet ta' annimali u ta' pjanti fil-periklu ta' estinzjoni bħall-pandas ġganteski u l-għażżiela Asjatiċi. Iż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku tal-Wied ta' Jiuzhaigou fiha wkoll għadd kbir ta' fdalijiet glaċjali Kwaternarji ppreservati sew, li huma ta' valur xeniku kbir.

Il-pajsaġġ tal-Wied ta' Jiuzhaigou huwa magħmul minn ambjenti karstiċi f'altitudni għolja msawra mill-attività glaċjali, idroloġika u tettonika. Jinsab fuq qasmiet tettoniċi ewlenin fuq il-blata diverġenti bejn il-Plakka Tettonika ta' Qinghai-Tibet u l-Plakka Tettonika ta' Yangtze, u t-terremoti sawru l-pajsaġġ ukoll. L-istrati tal-blat huma magħmula l-iktar minn blat bil-karbonat bħad-dolomit u t-tufa, kif ukoll tipi differenti ta' ġebel ramli u ta' shale.

Ir-reġjun fih ammont kbir ta' tufa, li huwa tip ta' ġebla tal-ġir iffurmata mill-preċipitazzjoni rapida tal-karbonat tal-kalċju fl-ilma ħelu. Din tinsab fil-blat, fil-qiegħ tal-lagi u saħansitra fuq is-siġar li jaqgħu fl-ilma, u xi kultant takkumula f'artijiet imtarrġin, ġliebi u digi fil-lag.

Il-wied jinkludi baċir idrografiku magħmul minn tliet kanali (li minħabba d-daqs kbir tagħhom sikwit jissejħu widien huma stess), u huwa wieħed mis-sors tax-xmara Jialing, tributarja tax-xmara Bailong u parti mis-sistema tax-xmara Yangtze.

L-iżjed karatteristika magħrufa tal-Wied ta' Jiuzhaigou huma l-għexieren ta' lagi blu, ħodor u turkważ. Il-poplu Tibetan lokali jsejħulhom Haizi biċ-Ċiniż, jiġifieri "iben il-baħar". Dawn il-lagi oriġinaw mill-attività glaċjali, ġew imblukkati b'digi naturali permezz ta' ċedimenti ta' blat u ta' fenomeni naturali oħra, imbagħad issolidifikaw permezz ta' proċessi ta' depożiti tal-karbonat. Xi lagi għandhom konċentrazzjoni għolja ta' karbonat tal-kalċju, u l-ilma tagħhom huwa ċar ħafna tant li l-qiegħ spiss ikun jidher minkejja l-fond kbir. Il-lewn u d-dehra tal-lagi jvarjaw skont il-fond, ir-residwi u l-pajsaġġ tal-madwar. Uħud mid-digi u mill-formazzjonijiet inqas stabbli ġew rinfurzati b'mod artifiċjali. Il-kuntatt dirett mal-lagi u ma' karatteristiċi oħra tal-park huwa pprojbit.

Karatteristiċi notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku tal-Wied ta' Jiuzhaigou hija magħmula minn tliet widien irranġati f'għamla tal-ittra Y. Il-Wied ta' Rize u l-Wied ta' Zechawa jnixxu min-Nofsinhar u jiltaqgħu f'nofs is-sit fejn jiffurmaw il-Wied ta' Shuzheng, li jnixxi lejn it-Tramuntana tal-bokka tal-wied. Il-pajsaġġ muntanjuż ta' dawn il-widien fih network ta' 55 kilometru (34 mil) ta' toroq għall-karozzi tal-linja organizzati għat-turisti ġejjin u sejrin, kif ukoll mogħdijiet tal-injam għall-mixi u paviljuni żgħar. Il-mogħdijiet tal-injam għall-mixi tipikament jinsabu fuq in-naħa opposta tal-lagi mit-toroq, biex ikunu 'l bogħod kemm jista' jkun mill-istorbju tal-karozzi tal-linja.

Il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jiġu b'dawn il-karozzi tal-linja organizzati sal-aħħar tal-Wied ta' Rize u/jew tal-Wied ta' Shuzheng, imbagħad jerħulha lura għan-niżla bil-mixi tul il-mogħdijiet tal-injam, jew jaqbdu karozza tal-linja oħra meta s-sit li jmiss ikun 'il bogħod wisq. Dawn li ġejjin huma wħud mill-attrazzjonijiet prinċipali.

Wied ta' Rize

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kaskata tal-Ġlieba tal-Perli hija wiesgħa 310 metri.

Il-Wied ta' Rize (biċ-Ċiniż: 日则沟, bil-Pinjin: Rìzé Gōu) huwa twil 18-il kilometru (11-il mil) u huwa l-fergħa tal-Lbiċ tal-Wied ta' Jiuzhaigou. Fih l-ikbar varjetà ta' siti u tipikament it-turisti jżuru lilu l-ewwel. Jekk wieħed jinżel 'l isfel mill-ogħla punt tiegħu, jgħaddi mis-siti li ġejjin:

  • il-Foresta Primordjali (biċ-Ċiniż: 原始森林; bil-Pinjin: Yuánshǐ Sēnlín); toffri veduti tal-muntanji u tal-irdumijiet tal-madwar, inkluż il-Blata tax-Xabla (biċ-Ċiniż: 剑岩; bil-Pinjin: Jiàn Yán) għolja 500 metru;
  • il-Lag taċ-Ċinji (biċ-Ċiniż: 天鹅海; bil-Pinjin: Tiān'é Hǎi) huwa lag twil 2,250 metru u wiesa' 125 metru; ingħata ismu għaċ-ċinji li jħobbu jżuruh;
  • il-Lag tal-Ħaxix (biċ-Ċiniż: 草海; bil-Pinjin: Cǎo Hǎi) huwa lag baxx miksi b'veġetazzjoni b'għamliet elaborati;
  • il-Lag tal-Bambù b'Għamla ta' Vleġġa (biċ-Ċiniż: 箭竹海; bil-Pinjin: Jiànzhú Hǎi) ikopri erja ta' 170,000 m2 u huwa lag baxx, b'fond ta' 6 metri u f'elevazzjoni ta' 2,618-il metru; kien is-sit prinċipali tal-film Ċiniż tal-2002 Hero;
  • il-Lag tal-Pandas (biċ-Ċiniż: 熊猫海; bil-Pinjin: Xióngmāo Hǎi) fih sfumaturi ħodor u blu partikolari. Jingħad li l-pandas ġganteski kienu jżuru l-lag biex jixorbu, għalkemm ilhom ma jiġu osservati hawnhekk għal bosta snin. Il-lag jitbattal fil-Kaskati mtarrġin tal-Pandas, li jinżlu għoli ta' 78 metru fi tliet stadji;
  • il-Lag tal-Ħames Fjuri (biċ-Ċiniż: 五花海; bil-Pinjin: Wǔhuā Hǎi) huwa lag baxx b'diversi kuluri u l-qiegħ tiegħu huwa miżgħud zkuk antiki ta' siġar imwaqqgħin;
  • il-Ġlieba tal-Perli (biċ-Ċiniż: 珍珠滩; bil-Pinjin: Zhēnzhū Tān) hija żona wiesgħa u xxaqleb kemxejn, b'depożiti attivi tat-tufa u tal-ġebla tal-ġir mgħottijin b'saff irqiq ta' ilma ġieri. Titbattal fil-Kaskata famuża tal-Ġlieba tal-Perli, li tinżel għoli ta' 28 metru, b'"purtiera" tal-ilma wiesgħa 310 metri; xena mill-adattament televiżiv ta' Journey to the West inġibdet hawnhekk;
  • il-Lag Mera (biċ-Ċiniż: 镜海; bil-Pinjin: Jìng Hǎi) huwa lag kwiet ieħor li jirrifletti sew il-pajsaġġ tal-madwar meta l-ilma jkun kalm.

Wied ta' Zechawa

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Lag it-Twil huwa l-ogħla u l-iżjed lag fond f'Jiuzhaigou.

Il-Wied ta' Zechawa (biċ-Ċiniż: 则查洼沟; bil-Pinjin: Zécháwā Gōu) huwa l-fergħa tax-Xlokk tal-Wied ta' Jiuzhaigou. Bejn wieħed u ieħor għandu l-istess tul tal-Wied ta' Rize (18-il kilometru) iżda jasal sa altitudni ogħla (3,150 metru fil-Lag it-Twil). Jekk wieħed jinżel 'l isfel mill-ogħla punt tiegħu, jgħaddi mis-siti li ġejjin:

  • il-Lag it-Twil (biċ-Ċiniż: 长海; bil-Pinjin: Cháng Hǎi) għandu għamla ta' nieqa u huwa l-ikbar lag, l-iżjed lag fl-għol u l-iżjed lag fond fil-Wied ta' Jiuzhaigou, twil 7.5 kilometri (5 mili) u fond sa 103 metri; jingħad li ma fih l-ebda żbokk tal-ilma, u l-ilma ta' ġo fih jiġi mill-borra li ddub u jintilef bl-iskular. Skont il-folklor lokali hemm mostru jgħix fil-fond tiegħu;
  • l-Għadira tal-Ħames Kuluri (biċ-Ċiniż: 五彩池; bil-Pinjin: Wǔcǎi Chí) hija wieħed mill-iżgħar korpi tal-ilma fost il-lagi tal-Wied ta' Jiuzhaigou; minkejja d-daqs u l-fond mudesti ħafna tagħha, toffri pajsaġġ ikkulurit ħafna taħt l-ilma u wħud mill-iżjed ilmijiet ċari kristall fl-inħawi; skont leġġenda, l-għadira kienet il-post fejn id-divinità femminili Semo ħaslet xagħarha u d-divinità maskili Dage ġie jġibilha l-ilma;
  • il-Lagi Staġonali (biċ-Ċiniż: 季节海; bil-Pinjin: Jìjié Hǎi) huma sensiela ta' tliet lagi (t'Isfel, tan-Nofs u ta' Fuq) tul it-triq prinċipali, li kull sena jinbidlu minn vojta għal mimlijin bl-ilma.

Wied ta' Shuzheng

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Lag tad-Dragun Rieqed u l-Lag Jilmi fiċ-ċpar ta' filgħodu fil-ħarifa.

Il-Wied ta' Shuzheng (biċ-Ċiniż: 树正沟; bil-Pinjin: Shùzhèng Gōu) huwa l-fergħa (prinċipali) tat-Tramuntana tal-Wied ta' Jiuzhaigou. Jintemm wara 14.5-il kilometri (9 mili) fil-punt bl-għamla tal-ittra Y fejn jiltaqgħu t-tliet widien. Jekk wieħed jinżel 'l isfel mill-ogħla punt tiegħu, jgħaddi mis-siti li ġejjin:

  • il-Kaskati ta' Nuorilang (biċ-Ċiniż: 诺日朗瀑布; bil-Pinjin: Nuòrìlǎng Pùbù), qrib il-punt fejn jiltaqgħu l-widien, huma għoljin 20 metru u wesgħin 320 metru; jingħad li huma l-usa' kaskati tal-artijiet għoljin fiċ-Ċina, l-usa' kaskati bit-travertin fuqhom fid-dinja, u wieħed mis-simboli tal-Wied ta' Jiuzhaigou;
  • il-Lagi ta' Nuorilang (biċ-Ċiniż: 诺日朗群海; bil-Pinjin: Nuòrìlǎng Qúnhǎi) u l-Lagi ta' Shuzheng (biċ-Ċiniż: 树正群海; bil-Pinjin: Shùzhèng Qúnhǎi) huma sensiela ta' lagi mtarrġin bi 18 u bi 19-il livell rispettivament li ffurmaw bil-fluss tal-glaċieri u mbagħad ġew imblukkati b'digi naturali; uħud minnhom għandhom l-ismijiet folkloristiċi tagħhom stess, fosthom il-Lag tar-Rinoċeront, il-Lag Mhux Magħruf u l-Lag tat-Tigra;
  • il-Lag tad-Dragun Rieqed (biċ-Ċiniż: 卧龙海; bil-Pinjin: Wòlóng Hǎi) huwa wieħed mil-lagi iktar fil-baxx fl-inħawi; b'fond ta' 20 metru, huwa magħruf għad-diga tal-ġebla tal-ġir li tidher sew fi ħdanha, u l-għamla tagħha ġiet imqabbla ma' dragun rieqed fil-qiegħ;
  • il-Lag tal-Qasab (biċ-Ċiniż: 芦苇海; bil-Pinjin: Lúwěi Hǎi) huwa lag twil 1,375 metru, miksi bil-qasab u għandu roqgħa bl-ilma turkważ ċar (magħrufa bħala ż-"Żigarella tal-Ġada") fi ħdanu. Il-kuntrast jispikka l-iktar fil-ħarifa meta l-qasab isir isfar dehbi.
  • Il-Vaska tal-Fati (biċ-Ċiniż: 神仙池; bil-Pinjin: Shénxiān Chí) tinsab 42 kilometru (26 mil) fil-Punent tal-Wied ta' Jiuzhaigou u hija magħmula minn vaski tat-travertin simili ħafna għal dawk taż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku ta' Huanglong fil-qrib.
Veduta tal-Muntanji Min qrib l-Ajruport ta' Jiuzhai f'Huanglong.

Il-Wied ta' Zharu (biċ-Ċiniż: 扎如沟; bil-Pinjin: Zhārú Gōu) jinsab fix-Xlokk tal-Wied ta' Shuzheng u qajla jżuruh turisti. Il-wied jibda fil-monasteru Buddist ta' Zharu u jintemm fil-Lag Aħmar, fil-Lag Iswed u fil-Lag ta' Daling.

Il-wied dan l-aħħar infetaħ għal għadd żgħir ta' turisti li jkunu jixtiequ jmorru jimxu u jikkampjaw f'postijiet imwarrba. Il-viżitaturi jistgħu jagħżlu mixjiet differenti ta' jum wieħed jew ta' diversi jiem, skont il-ħin li jkollhom disponibbli. Gwidi tal-esperjenza jakkumpanjaw lit-turisti fil-wied, u jaqsmu magħhom l-għarfien tagħhom dwar il-bijodiversità unika u l-kultura lokali tal-park nazzjonali. Il-Wied ta' Zharu fih 40 % tal-ispeċijiet ta' pjanti kollha li jeżistu fiċ-Ċina u huwa l-aqwa post għall-osservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi fi ħdan il-park nazzjonali.

Il-mixja prinċipali ssegwi l-pellegrinaġġ tal-Buddisti Benbo lokali madwar il-Muntanja Zha Yi Zha Ga għolja 4,528 metru.

Il-Wied ta' Jiuzhaigou, meta mqabbel ma' attrazzjonijiet turistiċi popolari oħra fiċ-Ċina, jaf ma jkunx daqshekk faċli biex tasal għalih bit-triq. Il-maġġoranza tat-turisti jaslu fil-wied permezz ta' vjaġġ bil-karozza tal-linja li jdum għaxar sigħat minn Chengdu tul il-kanjon tax-xmara Min, li okkażjonalment tesperjenza xi ċedimenti żgħar tal-blat, u fl-istaġun tax-xita xi ċedimenti tal-art bit-tajn, li jaf iżidu diversi sigħat oħra. L-awtostrada l-ġdida li nbniet tul din ir-rotta ġarrbet ħsarat estensivi matul it-Terremot ta' Sichuan tal-2008, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn sarulha t-tiswijiet meħtieġa u t-triq hija miftuħa għall-karozzi tal-linja pubbliċi u għall-vetturi privati.

Mill-2003, sar possibbli li wieħed itir minn Chengdu jew Chongqing sal-Ajruport ta' Jiuzhai f'Huanglong f'xaqliba tal-muntanja għolja 3,448 metru (11,311-il pied) fil-Kontea ta' Songpan, u mbagħad jagħmel vjaġġ ta' siegħa bil-karozza tal-linja sa Huanglong jew vjaġġ ta' 90 minuta bil-karozza tal-linja sa Jiuzhaigou. Mill-2006, ikun hemm titjira ta' kuljum lejn Xi'an fl-eqqel staġun. F'Ottubru 2009 żdiedu titjiriet diretti ġodda minn Beijing, Shanghai u Hangzhou. Il-Parks Nazzjonali ta' Jiuzhaigou u ta' Huanglong ma esperjenzaw l-ebda ħsara matul it-terremot ta' Mejju 2008 u ma għalqux wara dak l-avveniment.

Il-Linja Ferrovjarja Chengdu–Lanzhou għadha qed tinbena u se jkollha stazzjon fil-Kontea ta' Jiuzhaigou.

Impatt tat-terremot tal-2017

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Awwissu 2017, terremot ta' 7.0 fuq l-iskala Richter heżżeż il-Kontea ta' Jiuzhaigou u kkawża ħsarat strutturali sinifikanti. L-awtoritajiet għalqu l-aċċess tat-turisti għall-wied sat-3 ta' Marzu 2018, meta l-park reġa' nfetaħ iżda b'aċċess limitat.

It-terremot ta' Jiuzhaigou f'Sichuan kellu impatt sinifikanti fuq iż-żona xenika. It-terremot ikkawża wkoll ħsarat u kisser żewġ digi naturali, id-diga tal-Kaskata ta' Nuorilang u d-diga tal-Lag ta' Huohua.

Ħsara fid-diga tal-Kaskata ta' Nuorilang

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kaskata ta' Nuorilang ġarrbet ħsarat minħabba n-nuqqas ta' stabbilità inizjali tagħha u l-effetti topografiċi. Id-diga kienet magħmula minn materjal batut bi ftit saħħa mekkanika, u b'hekk kienet tesperjenza diversi ċedimenti tal-blat saħansitra f'perjodi meta ma kienx hemm terremot. L-istruttura kważi vertikali tad-diga amplifikat l-influwenzi sismiċi fil-parti ta' fuq tagħha, u b'hekk żdiedet sew il-probabbiltà ta' deformazzjoni u ta' ċediment totali.

Ħsara fid-diga tal-Lag ta' Huohua

[immodifika | immodifika s-sors]

It-terremot ta' Jiuzhaigou kisser id-diga tal-Lag ta' Huohua. Wara li d-diga nkisret, il-livell tal-ilma tbaxxa sew u dan wassal għal ċedimenti tul id-diga wkoll.

Bħala park nazzjonali u riżerva naturali nazzjonali, iż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku tal-Wied ta' Jiuzhaigou hija mħarsa minn liġijiet u regolamenti nazzjonali u provinċjali, sabiex jiġu żgurati l-ġestjoni u l-protezzjoni fit-tul ta' dan il-wirt. Fl-2004, ir-Regolamenti Provinċjali ta' Sichuan dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Dinji u l-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Provinċjali ta' Sichuan dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Dinji fil-Prefettura Awtonoma ta' Aba saru liġijiet, u b'hekk ipprovdew bażi iktar b'saħħitha għall-protezzjoni tal-wirt.

Il-Kummissjoni tal-Kostruzzjoni tal-Provinċja ta' Sichuan hija responsabbli bis-sħiħ għall-protezzjoni u għall-ġestjoni tas-sit. L-Uffiċċju Amministrattiv taż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku tal-Wied ta' Jiuzhaigou jikkonsisti minn diversi dipartimenti, fosthom is-Sezzjoni tal-Protezzjoni, is-Sezzjoni tal-Kostruzzjoni, l-għassa tal-pulizija, eċċ., li huma responsabbli għall-amministrazzjoni tas-sit fil-post. Minbarra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, hemm bosta liġijiet u regolamenti rilevanti tal-gvern lokali. Il-pjan ta' ġestjoni rivedut fl-2001 huwa bbażat fuq dawn il-liġijiet u fih regolamenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jipprojbixxu l-qtugħ tas-siġar u tal-foresti għall-injam, kif ukoll l-attivitajiet li jikkawżaw it-tniġġis, u jħarsu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tar-residenti Tibetani lokali.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona ta' Interess Xeniku u Storiku tal-Wied ta' Jiuzhaigou ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[2]

  1. ^ Huadong, Guo (2013), Huadong, Guo (ed.), "Jiuzhaigou Valley Scenic and Historic Interest Area", Atlas of Remote Sensing for World Heritage: China, Berlin, Heidelberg: Springer, pp. 272–281, doi:10.1007/978-3-642-32823-7_38, ISBN 978-3-642-32823-7.
  2. ^ a b ċ "Jiuzhaigou Valley Scenic and Historic Interest Area". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-22.
  3. ^ "Forest Change Over Millennia", The World Atlas of Trees and Forests, Princeton University Press, pp. 304–331.
  4. ^ "AAAAA Scenic Areas_National Tourism Administration of The People's Republic of China". web.archive.org. 2014-04-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-04-04. Miġbur 2024-08-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "UNEP World Conservation Monitoring Centre". web.archive.org. 2009-01-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-01-30. Miġbur 2024-08-22.
  6. ^ "Jiuzhaigou National Park, Educating Tourists | Pulitzer Center". web.archive.org. 2016-05-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-05-20. Miġbur 2024-08-22.
  7. ^ UNEP-WCMC (2017-05-22). "JIUZHAIGOU VALLEY SCENIC & HISTORIC INTEREST AREA". World Heritage Datasheet (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-22.