- Wirja: Louise Weiss: Ewropea impenjata
Tul ħajjitha, Louise Weiss (1893-1983) kienet dejjem progressiva u kienet xhud sod ta' ħafna mill-bidliet radikali tas-seklu 20. Hi ħalliet marka li ma titħassarx fuq l-Ewropa li nafu llum. Kemm bħala intellettwali determinata kif ukoll bħala attivista bla heda, kienet pijuniera tal-ideal Ewropew. Twieldet fil-25 ta' Jannar 1893 f'familja liberali, borgiża benestanti mill-Alsace. Wara li kisbet kwalifika prestiġjuża (agrégation) fl-1914, saret ġurnalista, u mis-snin 20 kienet involuta fl-isforzi biex jinbnew il-paċi u l-għaqda fil-kontinent.
Kienet attivista appassjonata għad-drittijiet tan-nisa, organizzat dimostrazzjonijiet tas-suffragettes fis-snin 30 biex titlob id-dritt tal-vot u drittijiet ċivili u politiċi ndaqs għan-nisa.
Wara l-gwerra vvjaġġat madwar id-dinja biex taħdem dokumentarji etnografiċi u saret kelliema tal-konferenzi u kittieba, fost l-oħrajn tad-djarji, magħrufa, waqt li ħadmet maġenb uħud mill-akbar politiċi u ħassieba ta' żmienha.
Fl-1979, ġiet eletta fil-Parlament Ewropew fl-ewwel elezzjonijiet Ewropej li saru b'suffraġju universali dirett. Bħala l-Membru tal-Parlament Ewropew l-akbar fl-età, hija ppresediet is-sessjoni kostituttiva tal-Parlament u tat l-ewwel diskors inawgurali. Louise Weiss mietet fl-1983.
Fl-1999, il-bini li fih l-Emiċiklu tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu issemma' għaliha.