Park Arkeoloġiku ta' San Agustín
Il-Park Arkeoloġiku ta' San Agustín (bl-Ispanjol: Parque Arqueológico de San Agustín) huwa żona arkeoloġika kbira li tinsab qrib ir-raħal ta' San Agustín fid-Dipartiment ta' Huila fil-Kolombja. Il-park fih l-ikbar kollezzjoni ta' monumenti reliġjużi u skulturi megalitiċi fl-Amerka Latina u jitqies bħala l-ikbar nekropoli fid-dinja. Bħala sit tal-kultura ta' San Agustin, tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1][2] Id-datazzjoni tal-istatwi mhix ċerta, iżda huwa maħsub li tnaqqxu bejn il-5 W.K. u l-400 W.K.[3] L-oriġini ta' min naqqaxhom għadha misteru, peress li s-sit fil-biċċa l-kbira għadu ma ġiex skavat għalkollox.
L-istatwi ġew deskritti għall-ewwel darba minn patri Spanjol, Fra Juan de Santa Gertrudis (1724–1799), li żar il-pajjiżi tal-Kolombja (dak iż-żmien parti mir-Renju l-Ġdid ta' Granada), tal-Ekwador u tal-Perù fl-1756–1757 bħala missjunarju. Huwa għadda minn San Agustín f'nofs l-1756, u kiteb dwar l-istatwi fl-opra tiegħu ta' erba' volumi, Maravillas de la naturaleza (bil-Malti: Għeġubijiet tan-Natura).[4][5]
Il-park arkeoloġiku jinsab fin-naħa ta' fuq tal-baċir tax-xmara Magdalena u t-tributarji primarji tagħha, fil-muniċipalità tar-raħal ta' San Agustin f'Huila fl-għoljiet tal-Lvant ta' qabel il-Katina Muntanjuża Kolombjana, li minnha jitfaċċaw it-tliet ktajjen muntanjużi tal-Andes tul il-pajjiż kollu min-Nofsinhar għat-Tramuntana fir-Reġjun tal-Andes. San Agustín jinsab 520 kilometru minn Bogotá. Il-fdalijiet tal-gruppi kulturali tal-qedem huma sparpaljati f'erja ta' iktar minn 50 kilometru kwadru, fuq promontorji fuq kull naħa tal-kanjon iffurmat min-naħa ta' fuq tax-xmara Magdalena. Il-park innifsu jikkorrispondi għal żona żgħira b'konċentrazzjoni kbira ta' oqbra u fih iktar minn 500 statwa ta' oriġini mhux magħrufa.
Il-Park Arkeoloġiku ta' San Agustín jinkludi:
- l-għajn ta' Lavapatas;
- il-faċċata ċatta;
- l-Alto de Lavapatas;
- iċ-Chaquira;
- l-Alto de las Piedras; u
- l-Alto de los Ídolos.
Minbarra l-park arkeoloġiku prinċipali f'San Agustín, hemm żewġ siti indipendenti oħra, l-Għoljiet tal-Idoli (Alto de los Ídolos) u l-Għoljiet tal-Ġebel (Alto de las Piedras), li jinsabu fil-muniċipalità ta' Isnos, ftit kilometri 'l bogħod minn San Agustín. L-Għoljiet tal-Idoli jinsabu 4 kilometri mir-raħal ta' Isnos u fihom l-ogħla statwa, għolja 7 metri. L-Għoljiet tal-Ġebel jinsabu 7 kilometri minn Isnos u jinkludu l-istatwa famuża tad-Doble Yo (litteralment Jien Doppju).
Statwi
[immodifika | immodifika s-sors]L-istatwi jippreżentaw karatteristiċi antropomorfiċi u żoomorfiċi (minn kukkudrilli, friefet il-lejl u ġagwari), b'riġlejn qosra. Instabu madwar 300 statwa b'kollox. Fl-imgħoddi l-biċċa l-kbira kienu mpittrin b'kuluri jgħajtu, l-iktar bl-isfar, bl-aħmar, bl-iswed u bl-abjad, iżda llum il-ġurnata ftit minnhom għad fadlilhom il-kuluri.
L-għoli tal-istatwi jvarja; l-ogħla waħda fiha xi 23 pied (7.0 metri). X'aktarx li l-istatwi kienu statwi funebri.[6] F'reġjuni oħra tas-sit arkeoloġiku nstabu tumbati funebri kbar, fejn kien hemm figuri intimidanti oħra bħal sriep, żrinġijiet u għasafar f'postijiet strateġiċi bħala għassiesa fil-ħajja ta' wara l-mewt. Hemm statwi jew tinqixiet mal-art ta' divinitajiet, kemm maskili bħax-xemx, kif ukoll femminili bħall-qamar. Dawn il-figuri u l-istatwi jagħtu ħjiel limitat lir-riċerkaturi fir-rigward tal-perċezzjoni tal-ħajja u tal-mewt ta' din iċ-ċivilizzazzjoni.
Ripatrijazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1913 l-etnologu Ġermaniż Konrad Theodor Preuss mexxa skavi arkeoloġiċi fl-inħawi f'isem il-Mużew Etnoloġiku ta' Berlin. Huwa ħa 21 skultura żgħira mis-sit u ħadhom miegħu lejn Berlin fl-1919 fejn ġew inkorporati fil-kollezzjonijiet tal-Mużew Etnoloġiku.[7] Fl-2022 il-gvern Kolombjan ħabbar formalment li kien se jitlob ir-ripatrijazzjoni tal-istatwi mingħand il-Forum ta' Humboldt (is-suċċessur tal-Mużew Etnoloġiku ta' Berlin).[8]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Arkeoloġiku ta' San Agustín ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "San Agustín Archaeological Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-10.
- ^ Espectador, El. "ELESPECTADOR.COM". ELESPECTADOR.COM . Miġbur 2024-12-10.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ Tiempo, Redacción El (2008-01-23). "Así se ve el parque arqueológico de San Agustín desde el cielo". El Tiempo . Miġbur 2024-12-10.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ Correal Urrego, Gonzalo (2013). "Las Primeras Referencias a la Cultura Arqueológica de San Agustín en el Siglo XVIII". Boletín de Historia y Antigüedades (bl-Ispanjol). 100 (857). Academia Colombiana de Historia.
- ^ Rathbone, John Paul (1991). Ecuador, the Galapagos and Colombia. Cadogan Guides. Cadogan Books. pp. 268–269. ISBN 978-0-87106-248-2.
- ^ Cavendish, Richard; Burton, Rosemary (1991). "Valley of the Statues". Wonders of the World. AA Publishing. pp. 203–203. ISBN 0-7495-3188-6.
- ^ Montero Fayad, Veronica (2016). "Statues of San Agustín (Huila, Colombia) in the Ethnological Museum of Berlin: itinerary of classifications and exhibitions". Colombian Journal of Anthropology. 52 (2): 175–198. doi:10.22380/2539472X43.
- ^ Losson, Pierre (2023-02-13). "At Last, Colombia Demands the Return of Its San Agustín Statues". Hyperallergic (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-10.