Aqbeż għall-kontentut

Irziezet Imżejnin ta' Hälsingland

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ir-Razzett ta' Gästgivars

L-Irziezet Imżejnin ta' Hälsingland (bl-Ingliż: Decorated Farmhouses of Hälsingland; bl-Iżvediż: Världsarvet Hälsingegårdar) huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li ġie ddeżinjat fl-1 ta' Lulju 2012 bħala l-ħmistax-il Sit ta' Wirt Dinji tal-Iżvezja.[1] Seba' rziezet mibnija fis-seklu 19 eventwalment intgħażlu biex jirrappreżentaw l-iżjed eżempji distinti u ppreservati sew tat-tradizzjoni arkitettonika u dekorattiva lokali.[2]

It-tħejjijiet għal nominazzjoni bdew matul is-snin 90 tas-seklu 20.[3] In-nominazzjoni inizjali kienet kollezzjoni eteroġenja ta' rziezet u ambjenti marbuta mal-kultura agrarja f'Hälsingland. Kien ġew irrappreżentati ħmistax-il sit inkluż villaġġ sħiħ.[4] L-ewwel nominazzjoni ġiet irrifjutata fil-konferenza ta' Sivilja, Spanja, fl-2009, bis-suġġeriment ta' għażla iċken ta' siti għal nominazzjoni futura.[5] Fit-tieni nominazzjoni li kienet suċċess kien hemm enfasi kbira fuq it-tradizzjonijiet lokali tat-tiżjin bit-tpittir fuq ġewwa tal-irziezet, kif rifless fit-titlu ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

It-tiżjin fuq ġewwa tar-Razzett ta' Jon Lars.

L-irziezet imżejnin ta' Hälsingland huma wirt kulturali u eżempju tat-teknika tal-kostruzzjoni Żvediża fis-soċjetà antika tal-biedja f'Hälsingland. L-irziezet residenzjali saru simboli prinċipali tal-irziezet ta' Hälsingland, għalkemm ir-razzett bħala unità tal-produzzjoni jinkludi strutturi u għelieqi esterni.

L-irziezet ta' Hälsingland jirriflettu t-tekniki rurali tal-kostruzzjoni, bl-użu tal-injam biss, u huma espressjoni tal-arkitettura popolari; il-mod li bih kienu jibnu l-bdiewa b'dak li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Viżjoni ġenerali tal-irziezet ta' Hälsingland hija diffiċli għaliex ivarjaw bejniethom minn parroċċa għall-oħra u minn perjodu għall-ieħor.

L-uniċità ta' dawn l-irziezet tinsab fl-ambizzjoni tal-bdiewa li jibnu strutturi kbar. L-irziezet għandhom binjiet residenzjali kbar u huma mżejnin b'mod elaborat, li ospitaw żewġ jew tliet ġenerazzjonijiet, xi kultant f'daqqa, filwaqt li xi strutturi kienu jintużaw biss għal xi festi u oħrajn għall-irqad. Spiss kellhom żewġ sulari, iżda hemm eżempji wkoll ta' rziezet ta' sular wieħed bi spazju għal żewġ familji.

L-irziezet residenzjali kellhom kostruzzjoni soda, spiss imżejnin b'bosta kuluri u b'disinn ta' soqfa tal-profil, xogħol ta' ġonturi tal-injam mat-twieqi u entrati mżejnin b'mod eleganti, li jirrappreżentaw l-istil tal-kostruzzjoni tas-seklu 19, iżda hemm irziezet iktar antiki bi strutturi kwadri baxxi u mhux impittra madwar bitħa, kif ukoll binjiet tal-bidu tas-seklu 20 b'xogħol tas-sengħa tal-mastrudaxxi u b'daħliet kbar.

Għal xi żmien, kull parroċċa kellha l-istil tagħha ta' kostruzzjoni, li joħroġ fid-dieher l-iktar fid-daħliet imżejnin b'mod rikk u elaborat. Xi nħawi, l-ewwel u qabel kollox il-parroċċi kostali, ma kellhomx id-daħliet fuq quddiem; minflok kellhom bibien u daħliet iktar għaljin.

Fuq ġewwa l-irziezet ta' Hälsingland huma mżejnin u ppreservati sew b'arti mpittra mal-ħitan, tiżjin stampat mal-ħitan, u wallpapers għaljin. Il-motivi Bibbliċi ġew imħaddna fuq ġewwa tal-irziezet ta' Hälsingland, flimkien ma' ġrajjiet u ħrejjef lokali fix-xogħlijiet tal-arti u fl-istil tat-tiżjin ta' artisti-pitturi minn Dalarna, ikkaratterizzati minn motivi reliġjużi, żigarelli u fjuri kbar. Wallpapers importati u għaljin ġew ikkombinati flimkien ma' tiżjin popolari biex tinħoloq xi ħaġa ġdida għalkollox mal-ħitan, mas-soqfa u mal-fuklari fuq ġewwa tal-irziezet. L-ammont ta' tiżjin fuq ġewwa ppreservat sew fil-post oriġinali huwa uniku fid-dinja.

Flimkien mal-irziezet ta' Hälsingland kien hemm ukoll għadd kbir ta' binjiet u strutturi esterni oħra madwar bitħa esterna. Il-matmuriet il-kbar, il-kabini l-kbar tal-ħżin taz-zkuk, il-forġeriji, il-birreriji, l-imħażen tal-qmuħ u l-istalel kienu jirrappreżentaw ħafna mill-istrutturi esterni separati, li sal-aħħar tas-seklu 19 ġew sostitwiti b'binjiet multifunzjonali kbar b'diversi funzjonijiet taħt l-istess saqaf.

Spiss l-irziezet ta' Hälsingland kienu kkollegati ma' binjiet oħra bħal imtieħen, impjanti tal-ilma u rziezet li kienu jintużaw l-iktar fis-sajf, u spiss jagħtuna ħarsa lejn il-kultura ta' Hälsingland. L-irziezet jinsabu fi strutturi ta' villaġġi tal-qedem, b'għeruq fi żminijiet preistoriċi, li nbidlu parzjalment biss mis-siti oriġinali tas-seklu 19. Illum il-ġurnata, għadhom jeżistu madwar elf razzett ta' Hälsingland ippreservati fil-provinċja.

Irziezet elenkati

[immodifika | immodifika s-sors]

Sors:[6]

Il-Muniċipalità ta' Bollnäs

  • Ir-Razzett ta' Gästgivars, Vallsta

Il-Muniċipalità ta' Ljusdal

  • Ir-Razzett ta' Bommars, Letsbo
  • Ir-Razzett ta' Bortom åa, Fågelsjö
  • Ir-Razzett ta' Kristofers, Järvsö

Il-Muniċipalità ta' Ovanåker

  • Ir-Razzett ta' Jon-Lars, Alfta
  • Ir-Razzett ta' Pallars, Alfta

Il-Muniċipalità ta' Söderhamn

  • Ir-Razzett ta' Erik-Anders, Söderala

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Irziezet Imżejnin ta' Hälsingland ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Decorated Farmhouses of Hälsingland". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-26.
  2. ^ "Hälsingegårdarna". www.raa.se (bl-Iżvediż). Miġbur 2022-09-26.
  3. ^ Paju, Martin (2016). Hälsingegården i omvandling: en studie av världsarvsprocessen i Hälsingland. Acta Universitatis agriculturae Sueciae: 2016:60, 1652-6880 (in Swedish). Uppsala: Sveriges lantbruksuniversitet. ISBN 9789157686220. pp. 18, 20.
  4. ^ Paju, Martin (2016). Hälsingegården i omvandling: en studie av världsarvsprocessen i Hälsingland. Acta Universitatis agriculturae Sueciae: 2016:60, 1652-6880 (in Swedish). Uppsala: Sveriges lantbruksuniversitet. ISBN 9789157686220. p. 80.
  5. ^ Paju, Martin (2016). Hälsingegården i omvandling: en studie av världsarvsprocessen i Hälsingland. Acta Universitatis agriculturae Sueciae: 2016:60, 1652-6880 (in Swedish). Uppsala: Sveriges lantbruksuniversitet. ISBN 9789157686220. p. 63.
  6. ^ "Hälsingegårdar". www.regiongavleborg.se (bl-Iżvediż). Miġbur 2022-09-26.