Aqbeż għall-kontentut

Francesco Zahra

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Francesco Zahra
Ħajja
Twelid L-Isla, 1710
Mewt 19 Awwissu 1773
Għalliema Ġannikol Buhagiar
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
Post tax-xogħol Malta taħt il-Kavallieri
Moviment Barokk
Moviment artistiku pittura reliġjuża

Franġisk Zahra (tgħammed Francesco Vincenzo Zahra fil-15 ta’ Diċembru 1710 - miet id-19 ta’ Awwissu 1773) kien pittur Malti li prinċipalment pitter xogħlijiet reliġjużi fl-istil Barokk Naplitan. Ix-xogħlijiet tiegħu jinstabu f’ħafna knejjes madwar il-Gżejjer Maltin, kif ukoll f’xi kollezzjonijiet privati u tal-mużewijiet. Huwa meqjus bħala l-aqwa pittur ta’ Malta tas-seklu 18.[1]

San Nikola ta’ Myra, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt Valletta

Zahra twieled l-Isla, u huwa iben in-naġġar Pietro Paolo Zahra u Augustina Casanova. Id-data eżatta tat-twelid tiegħu mhix magħrufa, iżda tgħammed fil-Knisja Parrokkjali tal-Isla fil-15 ta’ Diċembru 1710. Ftit huwa magħruf dwar il-ħajja bikrija ta’ Zahra, iżda x’aktarx irċieva edukazzjoni tajba.[2]

Il-karriera ta’ Franġisk Zahra bħala artist damet għal erba’ deċennji, u ġie meqjus bħala l-aqwa pittur Malti tas-seklu 18.[2][3] Huwa pitter bl-istil Barokk u kien influwenzat ħafna mix-xena artistika ta’ Napli. Ix-xogħlijiet ta’ Zahra jinkludu bosta pitturi reliġjużi, inkluż opri tal-arti ta’ fuq l-artali jew pitturi kbar oħra għall-knejjes, pitturi mal-volti tal-knejjes u pitturi devozzjonali għal kummissjonijiet privati. Huwa wettaq ukoll għadd ta’ ritratti, tpinġijiet għall-paraventi ornamentali ta’ fuq l-artali, xi għamara fil-knejjes u xogħlijiet bl-irħam.[2]

Probabbilment beda jpitter ta’ età żgħira, u x’aktarx tħarreġ fl-istudjo ta’ Gio Nicola Buhagiar fis-snin 30 tas-seklu 18. Għall-ħabta tal-1740, l-istil tiegħu beda jimmatura u jiżviluppa iktar minn dak tat-tutur tiegħu Buhagiar. Zahra sar l-iktar pittur prolifiku Malti għall-ħabta tal-1745, u kien rivali tal-artist Franċiż Antoine de Favray li dak iż-żmien kien jaħdem Malta. L-istil ta’ Zahra kompla jiżviluppa tul is-snin, u lejn nofs is-snin 50 tas-seklu 18, il-figuri tiegħu u l-atmosfera tal-pitturi tiegħu kienu nbidlu, u bdew juru influwenzi minn Mattia Preti u Favray innifsu.[4]

L-ewwel kummissjoni sinifikanti ta’ Franġisk Zahra waslet fl-1732, meta pitter opra tal-arti għal fuq l-artal li kienet turi Tliet Qaddisin Dumnikani Jaduraw l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù għall-Knisja ta’ Santa Marija tal-Grotta, ir-Rabat. L-iktar xogħol sinifikanti tiegħu jinkludi l-pitturi fuq is-saqaf tas-Sala Kapitolari tal-Katidral tal-Imdina, li wettaq fl-1756.[2]

Franġisk Zahra ċċaqlaq minn belt twelidu l-Isla u mar jgħix fil-belt kapitali Valletta. Huwa kien miżżewweġ lil Teresa Fenech mis-26 ta’ Frar 1743 sal-mewt prematura tagħha fis-27 ta’ Mejju 1751. Huma kellhom ħamest itfal flimkien, u tlieta minnhom baqgħu ħajjin wara l-infanzja. Zahra miet fid-19 ta’ Awwissu 1773 meta kellu 62 sena.[2]

Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġorġ (1763), il-Bażilika ta’ San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex

Ix-xogħlijiet ta’ Zahra jinstabu f’ħafna knejjes fil-Gżejjer Maltin, kif ukoll f’kollezzjonijiet privati u tal-mużewijiet. Ix-xogħlijiet ta’ Zahra jinsabu fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, il- Katidral tal-Assunta, Għawdex, il-Knejjes Parrokkjali ta’ Ħ’Attard, ta’ Ħal Balzan, ta’ Birkirkara, tal-Furjana, ta’ Għarb, ta’ Ħal Għargħur, ta’ Ħal Għaxaq, tal-Gudja, ta’ Ħal Lija, ta’ Marsaxlokk, tal-Mosta, tan-Naxxar, ta’ Ħal Qormi, tar-Rabat, tal-Isla, tas-Siġġiewi, ta’ Tas-Sliema, ta’ Ħal Tarxien, tal-Belt Valletta, tar-Rabat (Għawdex), tax-Xagħra, tax-Xewkija, ta’ Ħaż-Żabbar, ta’ Ħaż-Żebbuġ, taż-Żejtun u taż-Żurrieq, flimkien ma’ bosta knejjes u kappelli oħra.[2]

Xi xogħlijiet jinsabu fil-Mużew Nazzjonali tal-Belle Arti fil-Belt Valletta u fil-Mużew ta’ Wignacourt fir-Rabat.[2]

  1. ^ Debono, John (1990). "The Will of Francesco Zahra 1710-1773". Melita Historica. 10 (3): 237–244.
  2. ^ a b ċ d e f ġ Schiavone, Michael J. (2009). Dictionary of Maltese Biographies Vol. II G-Z. Pietà: Pubblikazzjonijiet Indipendenza. pp. 1658–1660. ISBN 9789993291329.
  3. ^ "Francesco Zahra: An intimate look at his small works - timesofmalta.com". web.archive.org. 2012-08-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-08-23. Miġbur 2021-05-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Sciberras, Keith; Borg, Jessica (2010). Francesco Zahra 1710–1773 His life and art in mid-18th century Malta. Midsea Books. ISBN 978-99932-7-319-6.