Ġesù

l-figura ċentrali tal-Kristjaneżmu

Ġesù, jew Ġesù ta' Nazaret, magħruf ukoll bħala Ġesù Kristu, huwa l-figura ċentrali tal-Kristjaneżmu, kemm bħala l-Messija kif ukoll l-inkarnazzjoni ta' Alla.

Ġesù
profeta

Ħajja
Twelid Betlem, Nazaretu unknown value, 7 BC, 2 BC, c. 5 BC, Unknown
Nazzjonalità Renju ta' Ġudea
Residenza Nazaret
Kafarnaum
Galilija
Grupp etniku il-Lhud
L-ewwel lingwa djalett tal-Galilea
Ebrajk Bibbliku
Aramajk
Mewt Kalvarju, 7 April 30
Post tad-dfin unknown value
Knisja tas-Sepulkru Mqaddes
Qabar ta' Talpjot
Qabar tal-Ġnien
qabar vojt
Ġerusalemm
Kawża tal-mewt piena kapitali (kruċifissjoni)
Familja
Missier San Ġużepp, Alla l-Missier, no value
Omm Santa Marija
Konjuga/i unknown value
Koppja/i unknown value
no value
Ulied
uri
  • no value
    unknown value
Aħwa
uri
Familja
uri
Tribù Familja Mqaddsa
Davidic line (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater unknown value
no value
Lingwi djalett tal-Galilea
Ebrajk Bibbliku
Grieg Koine
Aramajk
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni predikatur
profeta
mastrudaxxa
rabbi
tawmaturgu
mexxej reliġjuż
fejjieq
Messija
predikatur
għalliem
fundatur ta' reliġjon
tektōn
pastor (en) Translate
Post tax-xogħol Galilija
Ġerusalemm
Impjegaturi unknown value
Xogħlijiet importanti mirakli ta' Ġesù
talb ta' Ġesù
parabboli ta' Ġesù
Influwenzat minn San Ġwann Battista
Sħubija It-Trinità Mqaddsa
Moviment apokalittiċiżmu
Moviment artistiku parabbola
Festa
Milied, Għidu Festi ta' Ġesù Kristu

L-isem "Ġesù" hu bbażat fuq il-Latin Iesus, traslitterazzjoni tal-Grieg Ἰησοῦς (Iēsoûs), li hi Ellenizzazzjoni tal-Aramajk/Lhudi ישוע (Jexuwagħ), li hi modifika ta' wara l-eżilju tal-Lhudi יְהוֹשֻׁעַ (Jeħoxuwaɡħ, Ġożwè) taħt l-influwenza tal-Aramajk.[1][2]

Kristu hi traduzzjoni bil-Grieg tal-kelma Lhudija "Messija", kelma li tfisser "midluk". Il-kelma saret l-isem proprju ta' Ġesù għax għal dawk li emmnu fih, Kristu temm it-tama messjanika ta' Iżrael bil-missjoni tiegħu ta' qassis, profeta u sultan.

Ġesù kien predikatur Lhudi, attiv fl-aħħar tliet snin ta' ħajtu fil-provinċja Rumana tal-Lhudija.

Sorsi tat-tagħrif fuq Ġesù

immodifika

Il-fonti testwali relattivi għal Ġesù jistgħu jinġabru f'erba' tipologiji:

  • l-Ittri Pawlini, imbagħad inklużi fit-Testment il-Ġdid: bejn wieħed u ieħor San Pawl kitibhom bejn is-sena 51 u s-sena 63. Pawlu ma kienx jaf direttament lil Ġesù. Fl-eqdem dokumenti nsibu ftit informazzjoni bijografika fuq il-figura storika ta' Ġesù. Iktar milli biex jagħtu rendikont sħiħ ta' x'għamel Ġesù, l-ittri, ħafna drabi miktuba bħala kitbiet okkażjonali, jikkostitwixxu madanakollu xhieda rilevanti ta' kif kienet tinfirex u kif kienet ipperċepita l-esperjenza ta' Ġesù fl-eqdem komunitajiet Insara;
  • l-Evanġeli Kanoniċi (Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni): skont numru ta' storiċi dawn il-kitbiet waslu fil-forma attwali fit-tieni nofs tal-ewwel seklu, wara li ġew irranġati f'diversi verżjonijiet u preċeduti minn għexieren ta' tradizijonijiet orali jew noti miktuba.
  • l-Evanġeli apokrifi: dawn mhumiex milqugħa mill-istudjużi bħala xhieda fidila ta' Ġesù storiku (dan minħabba li ġew komposti tard, jibdew min-nofs it-tieni seklu, huma l-iktar utli biex jinftiehem aħjar l-ambjent reliġjuz tas-sekli ta' wara Kristu), anke għall-ġeneru letterarju mħarref-leġġendarju li jiddistingwi l-parti l-kbira tan-narrazzjonijiet.
  • Kitbiet oħra mhux Insara.

Għal dak li jikkonċerna r-riċerka storika ta' ħajtu, is-sorsi ewlenin jinsabu fit-Testment il-Ġdid, partikolarment fl-ittri ta' San Pawl u fl-Evanġeli sinottiċi. Il-Vanġelu ta' San Ġwann huwa ta' għajnuna żgħira, bħalma huma wkoll id-diversi Evanġeli apokrifi. Is-sorsi mhux Insara - l-istoriku Lhudi, Ġużeppi, it-Talmud tal-Babilonja, l-istoriċi Rumani Taċitu u Svetonju, u oħrajn - jikkonfermaw l-eżistenza u t-tislib ta' Ġesù taħt il-ħaqq ta' Ponzju Pilatu.

Evanġeli

immodifika
 
Mużajk li juri lil Ġesù

L-Evanġeli jirrakkontaw it-twelid ta' Ġesù minn Marija Verġni, il-prietka li tisħaq fuq l-aħbar tas-Saltna tas-smewwiet u dwar l-imħabba tal-proxxmu, u li titwettaq minn diskorsi u parabboli msieħba ma' mirakli; fl-aħħar tal-Evanġeli nsibu mbagħad il-ġrajja tal-passjoni, il-Kruċifissjoni, il-qawmien mill-imwiet u t-tlugħ fis-sema.

L-Evanġeli u kitbiet oħrajn tat-Testment il-Ġdid jidentifikaw lil Ġesù bħala il-Messija u bin Alla. L-ittri Pawlini jeżaltaw il-valur tal-ħelsien ta' mewtu u l-qawmien tiegħu mill-mewt. It-tradizzjoni Nisranija ta' wara ddikjaratu t-tieni persuna tat-Trinità Mqaddsa, flimkien mal-Missier u ma' Ruħ il-Qodos, u tassew Alla u tassew bniedem.

Mill-Vanġeli jidher li l-ipprietkar u l-ħidma ta' Ġesù għamlu suċċess minimu fis-soċjeta Lhudija ta' dak iż-żmien, u l-aktar li kien mismugħ kien min-nies ta' status baxx. Il-perjodu qasir tal-ipprietkar intemm bil-mewt fuq is-salib, mitluba, skont l-Evanġeli, mill-awtoritajiet Lhud tas-Sinedriju iżda mogħtija mill-awtorità ta' Ruma (li kienet iżżomm għall-ilsiera tali xorti), fuq deċiżjoni aħħarija tal-prefett Ruman Ponzju Pilatu. Wara mewtu, id-dixxipli tiegħu sostnew li Ġesù rxoxta mill-imwiet u xerrdu l-messaġġ tat-tagħlim tiegħu; b'hekk il-figura ta' Kristu sabet influwenza maġġuri fil-kultura tal-Punent.

Sorsi Pagani

immodifika
  • Taċitu, senatur u storiku Ruman twieled għoxrin sena wara l-mewt ta' Ġesù. Fl-annali tiegħu tal-Imperu Ruman, wara li jagħti ħarsa dettaljata tan-nirien ta' Ruma li seħħew fis-sena erbgħa u sittin W.K., u jsemmi kif Neruni akkuża lill-Insara bħala l-ħatja ta' dawn in-nirien. Jgħid hekk: "L-awtur ta' din is-setta, Kristu għex fi żmien l-Imperatur Tiberju u kien ikkundannat għall-mewt mill-prokuratur Ponzju Pilatu".
  • Svetonju, awtur Ruman, fil-bijografija tal-Imperatur Klawdju, miktuba mija u għoxrin sena wara Kristu, jgħarrafna dwar it-tkeċċija tal-Lhud minn Ruma għaliex, "imxewxa minn ċertu Kristu, spiss kienu qed joħolqu ħafna rvellijiet".
  • Plinju ż-Żgħir, gvernatur ta' Bitinja, li, mitt sena wara Kristu, għarraf lill-Imperatur Trajanu, li għadd kbir ta' nies kienu mdorrijin jinġabru "f'ġurnata fissa, qabel jisbaħ, biex ikantaw bejniethom innu lil Kristu qisu xi alla".
  • Ġużeppi Flavju, storiku Lhudi u ċittadin Ruman isemmi darbtejn lil Kristu fl-Antiquitates Judaicae, li nkitbu f'Ruma disgħin sena wara Kristu. Jgħid hekk: "F'dak iż-żmien kien jgħix Ġesù – bniedem għaref, jekk nistgħu nsejħulu bniedem. Infatti kien wieħed li wettaq għeġubijiet u kien mgħallem hekk kbir li n-nies kienet temmnu bil-ferħ kollu, u bis-saħħa ta' hekk ġibed lejh għadd ta' Lhud kif ukoll Griegi. Hu kien il-Messija. Meta Pilatu sema' l-akkużi kontrih mingħand il-kbarat tal-poplu, ikkundannah għat-tislib. Dawk li sa mill-bidu ħabbewh ma telquhx waħdu. Fit-tielet jum hu dehrilhom, mill-ġdid ħaj. Għax wara kollox il-Profeti ta' Alla kienu ħabbruha dil-ħaġa, flimkien ma' elf ħaġa oħra dwaru. U l-komunità tal-Kristjani ħadet l-isem tagħha minn ismu, sa llum il-Kristjani għadhom magħna".

Marija, omm Ġesù

immodifika

Skont ir-rakkont tal-Vanġelu skont San Luqa, verġni jisimha Marija, mgħarrsa ma' Ġużeppi, mir-razza tar-re David, irċeviet f'Nazaret tal-Galilija "fi żmien ir-re Erodi" viżta tal-Arkanġlu Gabrijel, li ħabbrilha l-konċepiment ta' Ġesù (Lq 1, 26-38).

Fil-Vanġelu skont San Mattew, il-konċepiment verġni ta' Marija msemmi biss mill-bogħod, waqt li l-protagonista huwa Ġużeppi, li jirċievi minn anġlu r-rivelazjoni tal-konċepiment sovranaturali ta' Marija (Mt 1, 18-25).

Twemmin tal-Insara

immodifika

L-Insara jemmnu li Ġesù Kristu huwa l-"Iben waħdieni ta' Alla, imnissel mill-Missier qabel kull żmien. Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel, mhux magħmul, natura waħda mal-Missier: u bih sar kollox. Niżel mis-smewwiet għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna. U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont il-Kotba Mqaddsa, u tela' s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier. U għandu jerga' jiġi bil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem." (Kredu ta' Niċea-Kostantinopli, 325 W.K.)

L-Insara jemmnu, fi kliem San Pawl, li "Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta' wlied" (Galatin 4, 4-5). Din hi "l-Bxara t-tajba ta' Ġesù Kristu, l-Iben ta' Alla." (Mark 1, 1): Alla żar lill-poplu tiegħu, wettaq il-wegħdiet li kien għamel lil Abram u lil nislu (ara Luqa 1, 68) u temm il-wegħdiet magħmulin lil Abram u lil nislu (ara Luqa 1, 55) u Alla għamel dan b'mod li ħadd ma kien jistenna: bagħat 'l "Ibnu l-għażiż" (Mark 1, 11).

L-Insara jemmnu u jistqarru li Ġesù ta' Nazaret, imwieled Lhudi minn xebba ta' Iżrael, f'Betlehem, fi żmien is-sultan Erodi l-Kbir u l-imperatur Ċesri Awgustu; kellu s-sengħa ta' mastrudaxxa, miet imsallab f'Ġerusalemm, taħt il-prokuratur Ponzju Pilatu, fi żmien is-saltna tal-imperatur Tiberju – hu l-Iben etern ta' Alla magħmul bniedem li "ġie minn għand Alla" (Ġw 13, 3), "niżel mis-sema" (Ġw 3, 13; 6, 33), "sar bniedem" (1 Ġw 4, 2), għax "il-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni mimli bil-grazzja u l-verità......u mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja" (Ġw 1, 14.16).

Ġesù fl-Ebraiżmu

immodifika

Skont il-ħsieb Lhudi, Ġesù kien predikatur, iżda mhux il-Midluk t'Alla; ma kienx Iben Alla, ma għamilx mirakli, wara l-kruċifissjoni, la qam mill-imwiet u lanqas tela' s-sema.

Ġesù fl-Iżlam

immodifika

Skont il-Musulmani, Ġesù kien profeta maġġuri li ġie qabel Mawmettu; twieled verġinament minn Marija, wettaq ħafna mirakli (għax Alla hekk ried), ma mietx iżda tela' s-Sema (ma mietx fuq salib għalkemm hekk deher quddiem min kien preżenti. Xi ħadd ieħor miet floku u Alla ħa miegħu lil Ġesu lejn is-sema), imma mhux meqjus bħala Alla li, skont is-Sura CXII, "la qatt nissel u qatt ma ġie mnissel". Fl-Iżlam, Ġesù jissejjaħ "Għisa". Huwa msejjaħ ukoll "Mesiħ" (il-Messija) fil-Koran u l-"Kelma ta' Alla".

Referenzi

immodifika
  1. ^ What's in a Name—Proper Names in Greek Exodus, Perkins, Larry, Journal for the Study of Judaism, 2010, vol. 41, ħarġa 4–5, p. 454.
  2. ^ [1] What’s In A Name? Rewriting Scripture Rebuilding a Wall Regressing to Shadow (The Hebraic Roots Movement’s Assault on the New Testament) Atlanta Bible College 2011 Theological Conference 2011-2012, Maas, David R.